Lokali

Lejn ħames assemblej importanti għat-tibdil tal-Istatut tal-PN

Ċensu Galea, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali tal-PN

Ċensu Galea, il-President il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, qal li l-ħames assemblej li se jkun qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista fil-futur qrib għandhom skop mill-aktar kurċjali biex il-partit iġedded l-Istatut tiegħu ħalli hekk jerġa’ jikber u jsir forza b’saħħitha kif mixtieq mill-poplu Malti.

Għalhekk dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-veru ġid tal-Partit Nazzjonalista għandhom jipparteċipaw b’assidwità u b’interess kbir f’dawn il-ħames assemblej biex hekk joħroġ l-aqwa ġid possibbli b’risq it-tisħiħ tal-Partit Nazzjonalista li għandu jkun jirrifletti l-bżonnijiet ta’ pajjiżna u s-soċjetà Maltija fl-era li qed ngħixu llum.

Ċensu Galea beda biex qal li hu laħaq il-president il-ġdid tal-Kunsill Ġenerali wara li sentejn ilu kien ikkontesta din l-elezzjoni u issa din il-kariga hi vakanti wara r-riżenja ta’ Kristy Debono. Fil-fatt din hi kariga li qed timtela skont dak li jgħid l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.

Hu qal li qiegħed jidħol għal din il-kariga f’mument fejn il-Partit Nazzjonalista qiegħed jifformula għadd ta’ riformi mill-aktar importanti u l-ewwel impenji uffiċjali tiegħu se jkunu l-ħames assemblej – erba’ f’Malta u waħda f’Għawdex – li se jkunu qed jitlaqqgħu fil-ġimgħat li ġejjin fejn il-membri tal-kumitati, il-kunsillieri lokali u dawk li huma attivi fil-fergħat tal-partit fuq bażi reġjonali se jkollhom l-opportunità janalizzaw il-proposti l-ġodda għall-Istatut biex wara jitfassal l-Istatut aġġornat. Wara jitressaq quddiem l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex imbagħad jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali apposta biex japprova l-bidliet li se jkunu qed jitressqu. Immedjatament wara se jkunu jistgħu jsiru l-elezzjonijiet kemm fil-kumitati sezzjonali, fil-fergħat tal-partit kif ukoll l-elezzjonijiet għall-membri mill-Kunsill Ġenerali għall-Eżekuttiv tal-partit.

Ċensu Galea kompla li wara se jinħatru l-uffiċjali skont l-Istatut aġġornat.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista llum, Ċensu Galea wieġeb li jekk wieħed irid ikun onest, allura jkollu jammetti li nistgħu nkunu ferm aktar qrib il-bżonnijiet tan-nies minn kemm fil-fatt aħna llum. Dan minkejja l-fatt li fuq ċerti oqsma, fosthom fejn jidħlu l-kwistjonijiet dwar kif ingħataw l-isptarijiet tagħna lill-privat u anki dwar dak li għaddej minnu bħalissa l-Korp tal-Pulizija, konna attivi ferm.

“Fil-fatt nemmen li fuq dawn iż-żewġ kwistjonijiet partikulari, il-Maltin qed jifhmu aktar minn qatt qabel dak li ġara f’pajjiżna fl-aħħar snin.’’

“Fl-istess ħin hemm aktar kwistjonijiet li fuqhom irridu nkunu aktar ċari. Kultant dawn ikun kwistjonijiet lokali li jolqtu numru relattivament żgħir ta’ persuni, li iżda jkunu affettwati sew min-naħa tal-awtoritajiet.’’

“Nista’ nsemmi bħala eżempju żgħir it-triq li minn Burmurrad twassal għan-Naxxar li issa ilha aktar minn sena u nofs li ma tistax tintuża u dan a skapitu ta’ dawk kollha li jużaw din l-istess triq. L-istess f’Għawdex fejn it-triq li mill-Imġarr twassal għan-Nadur ilha wkoll magħluqa għal ħafna xhur b’detriment għall-Għawdxin.’’

Mistoqsi dwar it-triq ’il quddiem għall-Partit Nazzjonalista, Ċensu Galea qal li kull min jemmen fil-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista għandu jara li jagħti ħiltu u saħħtu kollha biex il-Partit Nazzjonalista jkollu l-policies tiegħu aġġornati għaż-żminijiet tal-lum u b’hekk inkunu nistgħu noffru Gvern alternattiv serju.

“Ma nistgħu naħsbu li nistgħu nwasslu l-messaġġ tagħna sempliċiment għaliex darba kultant ngħidu xi ħaġa dwar suġġetti differenti. Irid ikollna policies ċari li jkunu studjati tajjeb u li b’hekk dawn jitwasslu għand in-nies b’konvinzjoni ċara.

Minbarra hekk, kull persuna fi ħdan il-partit trid tifhem li hi biss għodda biex insaħħu lill-partit u allura jkollna ninsew id-differenzi ta’ bejnietna biex hekk it-twemmin tal-partit jitwassal ċar u għand kulħadd.’’

Mistoqsi dwar kemm huma importanti dawn l-assemblej li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza, Ċensu Galea qal li permezz ta’ dawn il-laqgħat, il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm diskussjoni aktar dettaljata u minn perspettiva lokali wkoll. Peress li n-numri f’dawn l-assemblej mistenni jkunu anqas minn dawk tal-Kunsill Ġenerali, wieħed ikun jista’ jidħol f’aktar dettall u għalhekk dak li jkun ikun jista’ jesprimi ruħu aktar fid-diskussjoni li se tkun qed issir.

“Nistieden lil dawk kollha mistiedna għal dawn il-laqgħat biex jattendu għal dawn id-diskussjonijiet u min-naħa tagħhom jiġu ppreparati wkoll bl-ideat u bil-proposti tagħhom.’’

Mistoqsi x’inhi l-perspettiva tiegħu dwar il-fronti komuni li l-Partit Nazzjonalista għandu ma’ Repubblika, is-Soċjetà Ċivili u ma’ għaqdiet oħra, Ċensu Galiea qal li llum il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jgħix f’ċirkostanzi straordinarji li żviluppaw fl-aħħar xhur.

“Organizzazzjonijiet bħal Repubblika fil-fatt urew li jekk ikun hemm kawża importanti, il-poplu Malti hu lest li jirrispondi għas-sejħiet li jsiru. Fil-fatt matul l-aħħar xhur f’numru ta’ okkażjonijiet bla preċedent, kien hemm protesti kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza t-tajba, li għalihom attendew eluf ta’ Maltin.

Ċertament dawn huma żewġ oqsma li fuqhom il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin twal jisħaq u għalhekk hemm il-possibbiltà kbira li nistgħu ngħinu fil-kawża meħtieġa u mixtieqa favur il-poplu Malti.’’

Mistoqsi dwar kemm hu importanti li fid-diskussjonijiet li jsiru, aktar issir enfasi fuq il-mużajk ta’ talenti, personalitajiet u ideat, aktar milli wieħed jipponta subgħajh lejn ħaddieħor, Ċensu Galea saħaq li issa li ilu aktar minn 45 sena jimmilita fil-Partit Nazzjonalista, jista’ jgħid b’wiċċu minn quddiem li meta l-partit ippermetta li jkun hemm diskussjoni miftuħa dwar suġġetti varji, wara dawk l-istess diskussjonijiet il-Partit Nazzjonalista ħareġ dejjem aktar b’saħħtu.

“Hu ferm importanti li l-opinjonijiet niddiskutuhom fl-istrutturi li għandu l-Partit Nazzjonalista biex imbagħad inkunu nistgħu niddefendu flimkien dawn l-istess pożizzjonijiet. Żgur li tul is-snin mhux dejjem qbilt ma’ kull ħaġa deċiża, imma dejjem iddefendejt fil-pubbliku d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu fl-istrutturi tal-partit.’’

“Dan hu importanti llum aktar minn qatt qabel biex fil-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkollna l-għaqda u hekk ilkoll flimkien inkunu forza qawwija li toffri Oppożizzjoni b’saħħitha,’’ temm Ċensu Galea.