Futbol Sport

Rebħiet għat-timijiet ta’ Ruma

(Ritratt: EPA)

Lazio wieġbu għar-rebħa ta’ Juventus is-Sibt meta għelbu lil Genoa 3-2 fi Stadio Marassi. ADAM MARUSIC fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti meta għadda bejn żewġ difensuri qabel għeleb lil Mattia Perin b’xutt fis-saqaf tax-xibka. CIRO IMMOBILE skorja s-27 gowl fil-kampjonat b’xutt fil-baxx fit-52 minuta biex għamilhom 2-0.

Reazzjoni minn Genoa li ħames minuti wara naqqsu d-distakk bi ġmiel ta’ xutt ta’ FRANCESCO CASSATA minn barra l-kaxxa. Madankollu kien DANILO CATALDI li skorja t-tielet gowl ta’ Lazio fil-71 minuta bi free-kick. Genoa baqgħu fil-logħba meta ngħataw penalty wara li l-ballun ħabat ma’ Manuel Lazzari fil-kaxxa. Mill-11-il metru DOMENICO CRISCITO ma żbaljax iżda kien fadlilhom ftit ħin biex jevitaw it-telfa.

Rebħa kbira għal Roma li fi Stadio Olimpico għelbu lil Lecce 4-0. CENGIZ UNDER fetaħ l-iskor fit-13-il minuta u HENRIKH MKHITARYAN irdoppja fis-37 minuta wara li rċieva passaġġ mingħand Edin Dzeko. It-tielet gowl ta’ Roma wasal fid-69 minuta permezz ta’ EDIN DZEKO, gowl li kien konfermat bil-VAR. ALEKSANDAR KOLAROV issiġilla r-rebħa fit-80 minuta b’xutt b’saħħtu.

Erba’ logħbiet tas-Serie A li kellhom jintlagħbu ġew posposti minħabba t-tixrid tal-coronavirus fl-Italja. Il-logħbiet Atalanta v Sassuolo, Inter v Sampdoria u Verona v Cagliari filwaqt li ftit sigħat qabel il-logħba tħassret ukoll Torino v Parma. Sa issa għad ma hemm l-ebda data meta dawn il-logħbiet jistgħu jintlagħbu.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte u l-Ministru tas-Saħħa Roberto Speranza ħadu d-deċiżjoni li jissospendu l-avvenimenti sportivi fir-reġjuni ta’ Lombardia u Veneto. Il-logħba tas-Six Nations tan-nisa bejn l-Italja u l-Iskozja f’Milan tħassret ukoll.