Futbol Sport

Rebħiet importanti f’darhom għal Manchester United u Wolves

(Ritratt: EPA)

Manchester United kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva b’rebħa ta’ 3-0 kontra Watford f’Old Trafford biex telgħu fil-ħames post. Huma ngħataw penalty fl-40 minuta għal dak li ġie ġġudikat bħala kuntatt bejn Ben Foster u Bruno Fernandes. Mill-11-il metru l-midfielder Portugiż skorja bil-kalma kollha biex skorja l-ewwel gowl tiegħu mal-klabb.

Watford kienu għoddhom ġabu d-draw fit-52 minuta permezz ta’ Troy Deeney, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, tħassar il-gowl minħabba li ġie ġġudikat li Craig Dawson mess il-ballun b’idejh fl-azzjoni tal-gowl. Anthony Martial irdoppja l-vantaġġ sitt minuti wara b’azzjoni personali mill-isbaħ biex Mason Greenwood għalaq il-logħba kwarta mit-tmiem b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa.

Wolves għelbu lil Norwich 3-0 f’Molineaux Stadium. Diogo Jota fetaħ l-iskor fit-18-il minuta b’xutt fil-baxx mill-viċin, bl-istess plejer ikompli l-forma tajba li għaddej minnha meta kompla għal ġewwa biex irdoppja man-nofs siegħa. Raul Jimenez skorja t-tielet gowl fil-50 minuta minn rebound wara li xutt ta’ Jota stampa mal-wieqfa.