Lokali

Robert Abela jħalli lill-poplu fil-għama

Fl-aħħar ġimgħa, il-poplu Malti kollu żgur li kien qed jitkellem dwar il-Coronavirus li kompla jersaq viċin Malta, l-iskandlu fil-Korp tal-Pulizija, it-taħlit ta’ skart suppost ‘Sorted Out’ fil-Magħtab u d-diżastru sħiħ fl-Isptar San Luqa mmexxi minn Steward Healthcare, li qed ikomplu jieħdu l-flus tal-Maltin u l-Għawdxin mingħajr ma jirritornaw xejn lura.

Madanakollu, il-Prim Ministru Robert Abela, f’kollegament ta’ madwar 20 minuta fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, injora dak kollu li xtaqu jisimgħu dwaru l-Maltin u l-Għawdxin u tkellem biss dwar laqgħa li kellu barra minn Malta, laqgħa li fiha għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

Fl-aħħar sigħat komplew joħorġu aħbarijiet koroh dwar il-coronavirus li issa ħalla żewġ vittmi fl-Italja… pass bogħod minn Malta… li fih qed ikomplu jikbru l-każijiet ta’ nies infettati bil-virus u b’bosta lokalitajiet issa qed jinżammu magħluqa.

Iżda minkejja li ninsabu pass bogħod minn dan kollu, b’ħafna nies jivjaġġaw bl-ajru u bil-baħar mill-Italja għal-Malta u viċi versa ta’ kuljum, Robert Abela naqas milli jserraħ moħħ iċ-ċittadini ta’ Malta u Għawdex.

Fl-aħħar ġimgħa, ħarġet aħbar wara oħra dwar l-iskandlu li damdam lill-Korp tal-Pulizija li kompla jikber.

Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar, iżda dwar dan il-Prim Ministru ma qal xejn.

Fl-aħħar 24 siegħa Net News żvela li numru sostanzjali ta’ skart għadu jitħallat u jinxteħet bl-addoċċ il-Magħtab, mingħajr separazzjoni ta’ xejn, mingħajr is-‘Sort it Out’ li tant ftaħar biha l-Gvern Laburista, minkejja li l-familji Maltin qed jisseparaw fi djarhom, pero lanqas dwar dan ma tkellem il-Prim Ministru waqt l-intervista tiegħu fuq One Radio.

Minkejja li mill-filmati u r-ritratti li għaddew diversi persuni lil Net News, huwa evidenti li la l-Vitals u lanqas Steward, fil-binja tal-Isptar San Luqa ma għamlu assolutament xejn, dwar dan ukoll il-Prim Ministru ta’ Malta ma tkellem xejn.

20 minuta ta intervista li minnha ħafna stennew li tal-inqas jiġi mitkellem imqar suġġett wieħed minn dak li ried jisma’ dwaru l-poplu Malti, iżda għaddiet ġimgħa oħra u Robert Abela baqa jaħrab mis-suġġetti li l-iktar joltqu lill-Maltin u l-Għawdxin.