Lokali

Steward iridu aktar flus jew jixtru l-isptarijiet

Fil-laqgħa ta’ Jannar li għadda mal-Prim Ministru Robert Abela, Steward Healthcare talbu li l-Gvern ibiegħ għal kollox l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jew inkella li jingħataw iktar flus.

Steward bħalissa għandhom konċessjoni biex imexxu l-Isptarijiet għal tletin sena li ħaduha mingħand Vitals. Il-konċessjoni tista’ tiġi estiża għal 99 sena u wara li jgħaddi dan iż-żmien, l-Isptarijiet jerġgħu lura għand il-Gvern.

Issa Steward iridu li l-Gvern ibiegħ l-Isptarijiet b’mod finali.

Il-laqgħa f’Kastilja kienet qajjmet diversi mistoqsijiet peress li f’dik il-laqgħa, kien hemm preżenti l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li skont rapporti, kien qed jimbotta biex il-Gvern ikompli bil-ftehim ma’ Steward.

Il-gazzetta The Malta Independent on Sunday tirrapporta li l-Gvern ma kellu ebda laqgħa oħra wara dik il-laqgħa ta’ Jannar – la ma’ Steward u lanqas ma’ Muscat.

Il-gazzetta staqsiet lill-Gvern jekk il-Prim Ministru hux jikkonsidra t-talba ta’ Steward li jinbiegħu l-Isptarijiet b’mod permanenti iżda t-tweġiba kienet li l-Gvern qed jevalwa is-sitwazzjoni qabel tittieħed id-deċiżjoni.

Sadanittant qed tkompli l-pressjoni sabiex il-Gvern iwaqqaf għal kollox dan il-kuntratt skandaluż. Sa issa, il-Gvern ħareġ €240 miljun f’pagamenti lil Vitals u lil Steward u ta’ dawn, il-pajjiż ma’ ħa lura prattikament xejn.

Kemm l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Oppożizzjoni qalu li ż-żmien tal-evalwazzjoni spiċċa u jidher ċar li d-deal falla.

Is-Sibt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħeġġeġ lill-PM Robert Abela biex iwaqqaf dan il-kuntratt u tenna li jekk il-PM jieħu azzjoni biex l-Isptarijiet jingħataw lura lill-poplu, hu se jsib l-appoġġ tal-Oppożizzjoni.