Internazzjonali

Turkija-Iran: Terremot kbir jirriżulta f’mewt u qerda fost it-Torok

Terremot kbir li laqat l-artijiet fix-xlokk tat-Turkija kif ukoll il-majjistral tal-Iran sewa l-ħajja ta’ mill-anqas għaxra, b’oħrajn jinqabdu taħt il-bini li kkrollaw fit-theżżiża.

L-epiċentru tat-terremot – li mmarka 5.7 fuq l-Iskala Richter – kien irreġistrat qrib il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi u l-ħaddiema għall-emerġenzi, megħjuna mill-voluntiera, bħalissa qed iħaffru fost it-tifrik qalb l-inħawi li ġarrbu l-akbar impatt, bit-tama li jilħqu lin-nies li ntradmu taħt il-bini mwaqqa’.

Sar magħruf li tlieta mill-maqtula fit-terremot kienu tfal, b’numru ta’ midruba jkunu dikjarati f’kundizzjoni kritika. Il-Gvernatur ta’ Van, Mehmet Bilmez, żar iz-zona milquta u kkummenta dwar il-qerda li sab f’numru ta’ villaġġi. Ma kienx eskluż li ċ-ċifra tal-vittmi tat-terremot tkompli tiela fis-sigħat li ġejjin.

Il-Ministru Tork għall-Intern, Suleyman Soylu, qal li fit-terremot ċedew ‘il fuq minn elf binja, bir-residenti jispiċċaw kostretti li jorqdu barra qalb l-agħar kundizzjonijiet xitwija.

Filwaqt li ma kienx hemm rapporti immedjati ta’ imwiet fl-Iran, l-uffiċjali Iranjani qalu li hu ‘ferm probabbli’ li, ’il quddiem, joħorġu rapporti dwar ‘vittmi u ħsarat sussegwenti’ fit-territorji tagħhom.

Intant, spiċċaw affettwati  għexieren ta’ villaġġi fit-Turkija, bil-Ministeru għall-Edukazzjoni Tork jirrapporta ‘ammonti ta’ ħsarat’ għal diversi skejjel fid-distretti rurali ta’ Baskale, Saray u Gurpinar.