Internazzjonali Saħħa

CORONAVIRUS: Ir-raba’ vittma fl-Italja

Konfermata l-mewta ta’ persuna oħra fl-Italja kaġun tal-Coronavirus.

Il-vittma hu anzjan ta’ 84 sena li miet fi sptar f’Bergamo, fir-reġjun tal-Lombardia. L-anzjan kien rikoverat l-isptar minħabba problemi oħra ta’ saħħa.

AKTAR KMIENI

L-Italja qamet għal jum ieħor ta’ inċertezza wara li l-Coronavirus fl-aħħar sigħat kompla jinfirex f’diversi zoni fit-tramuntana tal-pajjiż. Sa issa, huma tlieta l-vittmi tal-Covid-19. Jidher li b’kollox hemm 153 każ ta’ Coronavirus, bil-maġġoranza fir-reġjun tal-Lombardia.

Numru ta’ bliet u villaġġi f’dan ir-reġjun jinsabu fi kwarantina, filwaqt li l-maġġoranza tal-iskejjel dalgħodu ma fetħux. Anke postijiet pubbliċi fl-Italja, bħal knejjes, inżammu magħluqin.

It-tħassib żdied b’mod konsiderevoli wara li fi tmiem il-ġimgħa mietu tliet persuni fl-Italja, li magħhom jiżdied l-anzjan illi miet dalgħodu.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ilbieraħ stqarr li pajjiżu ħa miżuri li l-ebda pajjiż ieħor għadu ma ħa. Conte insista li mhemmx każ ta’ allarm, iżda huwa kruċjali li n-nies jimxu mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa.