Internazzjonali

Franza: Eks Prim Ministru proċessat għal skandlu li kien jinvolvi lil martu

L-eks Prim Ministru Franċiż, Francois Fillon, beda għaddej minn process tal-qorti fejn irid iwieġeb għar-rwol tiegħu fi skandlu konness ma’ xogħol li ma sar qatt u li kien sewa ammont ta’ flus sostanzjali lill-Istat. Fillon hu akkużat li ħallas lil martu, Penelope, il-mijiet tal-eluf ta’ ewro għal xogħol li, allegament, ma twettaqx fiż-żmien meta hi kienet impjegata bħala l-assistenta parlamentari tiegħu.

Kemm Francois Fillon u martu, li hi minn Wales, qegħdin jiċħdu l-allegazzjonijiet, bl-eks Prim Ministru kapaċi jeħel sa għaxar snin ħabs jekk jinstab ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu. Il-proċess ta’ Fillon, intant, mistenni jkompli sal-11 ta’ Marzu.

L-iskandlu – imlaqqam PenelopeGate – kien beda fl-2017 meta Fillon kien il-favorit biex jirbaħ il-Presidenza ta’ Franza.

Intant, il-popolarità ta’ Fillon – eks kandidat taċ-ċentru-lemin – ħadet daqqa kbira ‘l isfel wara l-allegazzjonijiet, b’Emmanuel Macron jilħaq President tal-pajjiż wara li rnexxielu jegħleb lill-kandidat tal-lemin-estrem, Marine Le Pen, fl-elezzjoni sussegwenti.