Lokali

Ftehim illegali? Sejħa għal inkjesta pubblika

In-network tas-Soċjetà Ċivili qed jitlob lil Prim Ministru Robert Abela jsejjaħ inkjesta pubblika u indipendenti fil-ftehim donnu illegali li ntlaħaq bejn il-Gvern Malti u l-gwardja tal-kosta Libjana illi setgħet wasslet għal eluf kbar ta’ ħajjiet mitlufa.

L-istat tad-drittijiet umani fil-Mediterran huwa fil-periklu hekk kif ħarġet xhieda minn Neville Gafà li tissuġġerixxi patt illegali li seta’ rriżulta fi ksur serju tal-liġi internazzjonali għar-refuġjati. Malta qiegħda tibgħat għexieren ta’ familji għall-qatla.

Il-Konvenzjoni Geneva tipprojbixxi l-prattika tar-refoulement, jiġifieri meta refuġjat jintbagħat lura f’pajjiż mhux sigur illi fih hemm ċans kbir jiffaċċja t-tortura u anke l-mewt. Il-Libja huwa pajjiż illi kemm-il darba ġie deskritt bħala pajjiż illi jaqa’ f’din il-kategorija, saħansitra minn bosta organizzazzjonijiet internazzjonali.

Gafà stess qal li kien jirċievi informazzjoni fuq il-laneċ u l-lokazzjoni speċifiċi tagħhom mill-Forzi Armati ta’ Malta u personalment kien jibgħat din l-informazzjoni lil Gwardja tal-Kosta Libjana. Dan jagħti x’jifhem li l-Gvern Malti kien qiegħed jonqos mill-obbligi tiegħu jsalva lil min kellu bżonn għajnuna fl-ibħra u minflok jikkundanna nies innoċenti għal pajjiż nieqes minn garanziji bażiċi għal min jgħammar fih. Illum nafu illi fil-Libja hemm bosta każijiet ta’ jasar, tortura u kundizzjonijiet tal-waħx fil-kampijiet.

Gafà deher illi ħadem bil-barka tal-ex-Prim Ministru Joseph Muscat; għalhekk, hemm bżonn ta’ investigazzjoni pubblika u indipendenti sabiex jiġi stabbilit eżattament l-irwoli tal-Gvern u ta’ Gafà, kif ukoll jekk Malta kisritx l-obbligi internazzjonali permezz tal-azzjonijiet ta’ Gafà.

Ladarba din hija kwistjoni serja fuq livell internazzjonali, din l-istqarrija stampa qiegħed tiġi mibgħuta lil organizzazzjonijiet internazzjonali.