Lokali Saħħa

Għall-azzjonijiet ta’ Steward ċemplu lill-Berġa ta’ Kastilja – UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers, it-Tnejn, 24 ta’ Frar 2020, nediet serje ta’ azzjonijiet industrijali fl-Isptar Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dawn l-azzjonijiet ġew ordnati wara li l-UĦM Voice of the Workers kienet ilha s-snin turi t-tħassib tagħha dwar il-kuntratt bejn il-Gvern u Vitals Health Care (li ġie ntiret minn Steward HealthCare għal-prezz fenomenali ta’ €1).

Minkejja li din il-union qatt ma tat l-ebda barka fuq dan il-kuntratt, mhux listess jista’ jingħad għal union oħra.

Għal darb’oħra, speċjalment fl-isfond ta’ dak li kien qed jiġri f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-UĦM Voice of the Workers ingħatat raġun.

Din il-union kienet ilha minn meta kisbet l-għarfien tal-ħaddiema ta’ Steward HealthCare li talbet lill-Gvern sabiex jassorbi dawn il-ħaddiema, u dan biex jitħaddan il-prinċipju bażiku ta’ “paga ugwali għal-xogħol ugwali”.

Peress li min-naħa tal-Gvern irrenja s-skiet, il-UĦM Voice of the Workers bdiet b’azzjonijiet industrijali għall-membri tagħha li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet, irrelevanti min hu l-employer tagħhom.

Dan juri bi sħiħ li, fil-UĦM Voice of the Workers, il-membri tagħha jemmnu kompletament fis-solidarjetà.

Sadattant, kull persuna li qed toġġezzjona jew tilmenta li qed tintlaqat minn dawn l-azzjonijiet, qed tiġi mistiedna sabiex iċċempel il-Berġa ta’ Kastilja fuq 2500 0000 u twassal l-ilment tagħha.