Lokali

Għalliem tal-arti jinżamm arrestat fuq abbuż ta’ ħames t’ibniet

Għalliem tal-arti mill-Fgura baqa’ miżmum taħt arrest fuq akkużi ta’ abbuż fuq ħames t’ibniet waqt li kienu qegħdin jattendu għal lezzjonijiet tal-privat għandu. Carmel Agius ta’ 52 sena, ġie mixli li mess lit-tfal b’mod indeċenti.

L-għalliem kellu madwar 50 student li jagħtihom il-privat u li meta nkixef il-każ, il-Pulizija bagħtet għalihom kollha. Agius tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, akkużat li mmolesta ħames studenti bniet li l-eta’ tagħhom tvarja bejn id-9 u t-12-il sena, fil-fond Agius Art School.

L-Ispetturi Roxanne Tabone u Hubert Cini qalu fil-Qorti li r-raġel kien jagħti l-privat fl-istudio tiegħu. Waħda mill-istudenti tiegħu tkellmet u qalet li l-għalliem kien imissha b’mod indeċenti fil-partijiet privati tagħha. Minbarra din it-tifla partikolari kien hemm erba’ oħra li għamlu rapport simili.

L-Avukat ta’ Agius, Martha Mifsud qalet li l-klijent tagħha mhuwiex ħati tgal-akkużi kollha miġjubin kontrih, fosthom dik li abbuża minn minuri li ġew fdati lilu biex jedukhom u jgħallimhom u mhux għal skopijiet illeċti.

L-Avukat Mifsud għamlet talba biex isem l-akkużat ma jġix ippubblikat fil-media, bil-Qorti ma tilqax it-talba, iżda timponi biex ma jissemmewx l-ismijiet tal-allegati vitmi biex jiġi evitat kull vittimiżazzjoni sekondarja. Il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda raġuni li isem l-għalliemx ma jixxandarx.

L-Avukat Difensur għamlet talba għal libertà proviżorja fejn qalet li jistgħu jsiru s-salvagwardji kollha biex jiġu protetti t-tfal. Il-Prosekuzzjoni iżda, nformat lill-Qorti li l-akkużat kien diġa qed jiffaċċa proċeduri identiċi fi proċeduri oħra.

“Huwa għandu l-indirizzi u n-numri tat-telefon tat-tfal kollha u tal-ġenituri tagħhom li joqgħodu fl-istess lokalità u fil-viċinanzi”.
Il-Qorti wara li semgħet il-partijiet, u fuq il-gravità tal-każ, u minħabba n-nuqqas ta’affidabilità tal-akkużat u anke peress li x-xhieda prinċipali huwa taħt l-età, ċaħdet it-talba.