Ambjent Lokali

Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom ambjent aħjar – PN

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lil Gvern Laburista biex jaċċetta li l-ġurnalisti u l-mezzi tax-xandir ikunu mistiedna immedjatament fil-Magħtab.

Dan ħareġ minn stqarrija ta’ Jason Azzopardi il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Fid-dawl ta’ iktar rapporti u provi li ma jistgħux ikunu miċħuda li fil-Magħtab qed jindifen u jintrema’ ħallata ballata kull xorta ta’ skart, minkejja l-kliem fieragħ tal-Gvern li l-iskart qed jiġi separat u riċiklat, il-PN qed jistieden lill-Ministru Aaron Farrugia biex jaċċetta li l-ġurnalisti u mezzi tax-xandir ikunu mistiedna immedjatament fil-Magħtab.

Il-PN jfakkar li fis-6 ta’ Novembru tal-2019 il-Kelliem tiegħu ghall-Ambjent fil-Parlament sfida lill-Ministru għall-Ambjent ta’ dakinhar biex il-ġurnalisti jingħataw aċċess liberu u immedjat biex jaraw b’għajnejhom l-veru stat ta’ diżastru fil-Magħtab. Dik l-isfida ma kinitx intlaqgħet.

L-inkompetenza tal-Wastserve u t-tmexxija mħallsa bil-mijiet ta’ eluf ta’ euro minn flus il-poplu għabbiet piżijiet fuq il-familji flimkien ma’ multi għoljin għas-Sort it Out. Il-PN jistieden lill-Ministru Laburista Aaron Farrugia biex jilqa’ l-isfida tiegħu biex il-pubbliku jara r-riżultat tal-ħerba ambjentali tal-Wastserve fil-Magħtab tal-iktar Gvern korrott.