Lokali

Il-proċess kontra s-sid ta’ Pilatus Bank se jibda fl-Amerika bħal-lum ġimgħa

L-oġġezzjonijiet kollha tad-difiża kienu rifjutati u Ali Sadr Hasheminejad se jiffaċċja akkużi serji fil-Qorti

Tħabbar, li l-proċess ġudizzjarju f’Qorti kriminali fl-Amerika kontra s-sid ta’ Pilatus Bank Ali Sadr Hasheminejad, se jibda bħal-lum ġimgħa, it-Tnejn 2 ta’ Marzu 2020.

Dan wara li numru sostanzjali ta’ mozzjonijiet min-naħa tad-difiża ta’ Ali Sadr, li kienu kontinwament qed joġġezzjonaw għal xi informazzjoni li mistennija titressaq kontra tiegħu, kienu issa rifjutati biex b’hekk infetħet it-triq għall-ġustizzja fil-konfront tiegħu.

Bħal-lum ġimgħa Ali Sadr, li fl-2013 kien fetaħ f’Malta l-Bank Pilatus f’Ta’ Xbiex b’intenzjonijiet li mill-ewwel dehru suspettużi, se jkun qed jiffaċċja akkużi mill-aktar serji li jistgħu jwassluh, jekk ikun hemm biżżejjed provi konkreti u ppruvati kontrih, għal numru kbir ta’ snin fil-ħabs, li rapporti preċedenti kienu jsostnu li jistgħu jitilgħu saħansitra sa 125 sena.

Fost l-akkużi kontra Ali Sadr hemm żgur l-evażjoni ta’ sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti fil-konfront tal-Iran.

L-investigazzjonijiet li wasslu għall-arrest tiegħu kienu jinkludu l-ħolqien ta’ diversi kumpaniji u banek barra mill-pajjiż biex ikun jista’ jgħaddi b’aktar minn 100 miljun dollaru f’kummerċ mill-Venezwela mal-Iran permezz ta’ banek fl-Istati Uniti.

Se jiffaċċja wkoll diversi akkużi ta’ frodi fil-konfront tal-Istati Uniti u ħasil ta’ flus.

Il-Bank li fetaħ l-Iranjan f’paj-jiżna kien reġistrat f’Diċembru tal-2013, jiġifieri xahar biss wara l-aħħar tranżazzjoni illegali li nkixfet mill-investigaturi Amerikani.

Madankollu l-każ jaf il-bidu tiegħu fl-2004 u l-2005 meta l-Istati Uniti u l-Venezwela daħlu fi ftehim biex fil-pajjiż tal-aħħar jinbnew mas-7,000 residenza. Iżda jidher li, skont l-akkużi, Ali Sadr għamel sensiela ta’ movimenti ta’ flus biex jaħbi li l-benefiċjarji kienu fil-fatt persuni mill-Iran u l-Iraq li allegatament tħallsu b’pagamenti li għaddew mis-sistema bankarja Amerikana.

Ali Sadr hu l-istess persuna li ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 f’pajjiżna nkixef mill-cameras ta’ Net Television waqt li kien ħiereġ mill-bank f’Ta’ Xbiex, fis-satra tal-lejl, b’żewġ bagalji b’kontenut misterjuż f’idejh

Dakinhar hu kien dar dawra sħiħa mal-bank sakemm daħal f’karozza ta’ kollega tiegħu li rriżulta li kienet ipparkjata proprju quddiem il-bank.