Lokali Saħħa

Irridu saħħitna f’idejna u mhux f’idejn il-barranin li qegħdin jitħallsu b’serq ta’ flus il-poplu – Adrian Delia

Robert Abela għandu jwaqqaf il-kuntratt tat-tliet sptarijiet jew iġorr ir-responsabbiltà politika ta' dan is-serq

Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Edward Scicluna huma responsabbli direttament għad-deal korrot fejn taw it-tliet sptarijiet lil Vitals, meta kienu jafu li ma kellhom l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa. Kuntratt li minnu l-familji u l-ħaddiema ħallsu minn buthom €240 miljun lil kumpaniji barranin Vitals u Steward li ma għamlu l-ebda investiment. Jekk dan il-kuntratt ma jitwaqqaf minnufih, il-Ministri tal-Gvern huma kollha responsabbli għal dan is-serq meta kienu jafu u ppermettew li din il-kumpanija tieħu l-kuntratt u assiguraw li dan imur għandhom bl-iffirmar ta’ memordandum of understanding qabel ħarġet is-sejħa pubblika. Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet. Dan meta l-midja rrappurtat kif Konrad Mizzi mar fuq il-Kabinett tal-Ministri, qallhom u aċċettaw li neħħu l-performance guarantee ta’ €9 miljun li kellhom Steward għall-isptarijiet. 

Dr Delia qal li Edward Scicluna huwa kompliċi għax għandu r-responsabbiltà li jara li l-flus tat-taxxi jintefqu bil-galbu u li l-flus li noħorġu jingħataw lura f’servizz ta’ kwalità iżda minflok baqa’ jippermetti li jitħallsu l-pagamenti u jibqa’ għaddej dan  is-serq tal-flus tan-nies fl-ikbar skandlu finanzjarju ta’ pajjiżna mill-indipendenza sal-lum. Huwa qal li Robert Abela u Chris Fearne se jsiru kompliċi f’dan kollu jekk jippermettu li dan id-deal jibqa’ għaddej ġurnata oħra. Li kieku l-istituzzjonijiet tħallew jaħdmu fil-libertà mill-Gvern Laburista, kieku dan il-kuntratt kien jiġi investigat. Dan meta Vitals u Stewards bejnithom ħadu €240 miljun u ma għamlu xejn. Dr Delia qal li kieku dawn il-flus tqassmu lill-familji Maltin u Għawdxin kieku kull familja kienet tiehu €2,400 fuq medda ta’ sitt snin jew €400 kull sena. Flus tan-nies li setgħu ġew investiti aħjar għas-saħħa mentali, kura aħjar, aktar mediċini, għall-kanċer, għall-PREP lill-komunità LGBTIQ, iżjed għajnuna lid-dijabetiċi. Dawn il-flus setgħu marru wkoll f’għajnuna f’settur oħra tas-soċjetà bħall-housing soċjali, fil-ġlieda kontra l-faqar, għas-saħħa mentali, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u fil-Korp tal-Pulizija aktar modern li ma jkunx imtappan bi skandli.

Adrian Delia qal li l-Gvern Laburista jinsab maqsum dwar it-tliet sptarijiet, filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jistenna x’se joħroġ mir-rapporti u l-poplu qed jibqa’ jħallas għas-serq u l-korruzzjoni, Joseph Muscat irid li nkomplu nħallsu għal dan il-kuntratt li qed jiswa lill-poplu miljuni ta’ ewro fis-sena u jridna li nħallsuhom iżjed, minkejja li Steward bħal Vitals qabilhom, m’għamlu xejn milli kienu obbligati bil-kuntratt li jagħmlu u minkejja li ħadu miljuni kbar mit-taxxi tan-nies. Huwa qal li kuntrarjament għal Joseph Muscat, Chris Fearne qed jgħid li l-Gvern għandu jwaqqaf il-kuntratt u jammetti li dan il-progett kien żball. Fid-dokument tal-evalwazzjoni, li wassal biex intgħażlet Vitals, hemm lista ta’ xogħlijiet li kellhom jagħmlu kemm Vitals u wara Steward li jinkludu r-rinnovar tal-isptar San Luqa u Karen Grech u l-bini ta’ sptar ġdid f’Għawdex, jimpjegaw mal-elf persuna u jiġbdu t-turiżmu mediku lejn pajjiżna. Minn dan kollu ma sar xejn. Adrian Delia qal li l-unjins u l-professjonisti lkoll jistqarrew li Vitals u Stewards m’għamlu xejn milli kellhom jagħmlu, u li jekk jitilqu kważi ma jkunx hawn effett fuq is-settur tas-saħħa.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni qed tgħid lill-Gvern biex iwaqqaf dan il-kuntratt illum u lesta tkun warajh f’dan il-pass, iżda jekk se jibqa’ għaddej se żomm lil kull membru tal-Gvern Laburista responsabbli għall-ħsara li qed issir. Dan huwa tradiment tal-interess soċjali tal-Maltin u tal-ġid komuni.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji Maria Deguara, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali Karl Gouder u l-Kandidata Paula Mifsud Bonnici.