Lokali Qorti

Jammetti li seraq aktar minn €550 mill-istabbilment Eurosport

Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Birżebbuġa u residenti l-Floriana ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien sentejn wara li ammetta li seraq b’kemm jiswew €550.80 fi ħwejjeġ u oġġetti oħra mill-istabbiliment Eurosport.

Niko Zammit li għandu problema ta’ droga u li tressaq mill-Ispettur James Grech ammetta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li x-xahar li għadda daħal fl-istabbiliment Eurosport li jinsab fi Triq Psaila, Birkirkara qaċċat it-tags tal-alarm li jkun hemm mal-oġġetti u baqa’ ħiereġ il-barra bil-ħwejjeġ li seraq.

Zammit ammetta wkoll li sar reċediv wara li fi Frar tal-2016 kien ammetta li fil-Belt, Valletta kien seraq baskett minn fuq anzjana ta’ 68 sena u li fih kien hemm €80 fi flus kontanti u mobajl. Huwa kien ammetta wkoll li waqt il-kummissjoni tar-reat li weġġa’ lill-anzjana li kienet spiċċat bi spalleja maqlugħa minn postha.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li l-imputat irreġistra ammissjoni bikrija u li l-Prosekuzzjoni qablet illi f’każ t’ammissjoni minn Zammit, il-piena m’għandix tkun waħda karċerarja.

Għal dawn il-mottivi il-Qorti illiberat lill-ħati bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi ħmien sentejn u fehmitu l-konsegwenzi, jekk huwa jikkommetti reat ieħor waqt il-perjodu tal-liberta’ kundizzjonatà. Il-Qorti ordnatlu wkoll li jħallas lura lill-kumpanija Eurosport s-somma ta’€550.80 fi zmien sitt xhur mill-għoti ta-sentenza.