Internazzjonali

Julian Assange: L-aġir tiegħu ‘ipperikola l-ħajja ta’ ħafna persuni’

L-Awstraljan, Julian Assange, il-ko-fundatur ta’ Wikileaks,  qed ikun akkużat li tefa’ f’periklu l-ħajja ta’ diversi persuni, jew ‘sorsi’, wara li żvela l-identitajiet tagħhom li suppost kellhom jibgħu parti minn informazzjoni klassifikata. Dan waqt li qorti – il-Woolwich Crown Court – ta’ Londra (fir-Renju Unit) semgħet li dawn is-sorsi, maż-żmien, ‘sparixxew’ wara li spiċċaw f’dik is-sitwazzjoni.

L-akkuża tressqet minn James Lewis, l-avukat li qed jirrappreżenta lill-Gvern tal-Istati Uniti, waqt l-ewwel jum tas-smigħ dwar l-estradizzjoni potenzjali ta’ Assange li ilu minn Settembru jinżamm fil-ħabs ta’ Belmarsh. Intant, il-qorti semgħet li Assange ried jitqies ħati dwar ‘aġir kriminali ċar’ wara li utilizza sistemi għall-hacking biex jisraq l-informazzjoni mid-databases tal-Istati Uniti u joħroġha għall-konsum pubbliku.

Assange qed ikun akkużat ukoll li wettaq dan ‘bi skop politiku’, bl-avukati tiegħu jgħidu li hu kapaċi jeħel sa 175 sena ħabs f’każ li jinstab ħati dwar wieħed mill-akbar każi ta’ ‘abbuż tad-data’ fl-istorja. Min-naħa tiegħu, Lewis qal li ‘din hi kollha eżaġerazzjoni’.

L-avukat spjega li Assange mhux qed jiffaċċja 18-il akkuża talli pubblika informazzjoni ‘embarazzanti’ li l-Istati Uniti, kieku, xtaqet li tibqa’ sigrieta. Lewis, għaldaqstant, enfasizza li Assange qed ikun ipproċessat dwar attività kriminali bbażata fuq ‘kumplott għal serq ta’ data mis-sistema tal-kompjuter tad-Dipartiment tad-Difiża Amerikan’.

James Lewis kompla li ċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti klassifikati speċifiċi li ‘la kienu ċensurati u lanqas oskurati’ poġġiet f’periklu ċar il-ħajja tad-dissidenti fl-Iraq u fl-Afganistan meta dawn ‘spiċċaw f’sogru ta’ tortura u anki ta’ attentati fuq ħajjithom’. Dan meta l-Istati Uniti identifikat il-mijiet ta’ persuni f’periklu madwar id-dinja u għamlet li setgħet biex twissihom dwar is-sitwazzjoni li spiċċaw fiha b’kaġun tal-leaks.

Is-smigħ għall-estradizzjoni potenzjali ta’ Assange lejn l-Istati Uniti għandu jkun aġġornat fl-aħħar tal-ġimgħa u ladarba jsiru l-preżentazzjonijiet legali. Il-proċess imbagħad ikompli għal tliet ġimgħat – mit-18 ta’ Mejju — bil-preżentazzjoni ta’ provi mill-proskuzzjoni u d-difiża tal-imputat.