Futbol Sport

Juventus v Inter uffiċjalment se tintlagħab bil-bibien magħluqa

Il-kampjonat Taljan tas-Serie A se jkompli fi tmiem il-ġimgħa iżda uħud mil-logħbiet se jintlagħbu bil-bibien magħluqa, kawża tal-coronavirus li qed jinxtered fin-naħa ta’ fuq tal-Italja.

Fi tmiem il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri, il-Ministru tal-Isport tal-Italja Vincenzo Spadafora kkonferma l-aħbar u qal li minbarra miżuri fir-reġjuni ta’ Lombardia, Veneto u Piemonte, ħadu d-deċiżjoni li jestendu ż-żona għar-reġjuni ta’ Friuli Venezia Giulia, Emilia Romagna kif ukoll Liguria.

Spadafora kompla l-kumment lil Tg2 li f’dawn ir-reġjuni għadha teżisti s-sospensjoni ta’ attivitajiet sportivi iżda f’ċerti avvenimenti taw il-possibbiltà biex il-logħbiet jintlagħbu bil-bibien magħluqa. Hu żied jgħid li l-miżuri ma japplikawx għall-pajjiż kollu minħabba li ma jeżistux sitwazzjonijiet għal miżuri gravi.

B’hekk il-konfronti Udinese v Fiorentina, Milan v Genoa, Sassuolo v Brescia, Sampdoria v Verona, Parma v Spal kif ukoll il-partitissima bejn Juventus u Inter, se jintlagħbu bil-bibien magħluqa. L-erba’ logħbiet l-oħra jiġifieri Lazio v Bologna, Napoli v Torino, Lecce v Atalanta u Cagliari v Roma huma skedati b’mod normali.

Intant fi stqarrija uffiċjali, Inter ħabbru li l-konfront tal-Ħamis li ġej mit-tieni leg tal-aħħar 32 tal-Europa League kontra Ludogorets se jintlagħab ukoll bil-bibien magħluqa. Dan sar wara qbil mal-awtoritajiet tas-saħħa fir-Reġjun tal-Lombardia.

It-tixrid ta’ dan il-virus wassal biex prattikament waqqaf sezzjonijiet tal-isport fl-Italja. Fl-aħħar jiem, diversi logħbiet mis-Serie B u l-Lega Pro, tal-futbol tan-nisa u tas-settur taż-żgħażagħ tħassru. Il-kampjonat Taljan tal-waterpolo tħassar sal-1 ta’ Marzu, ir-rugby fi tmiem il-ġimgħa tħassar ukoll flimkien mal-logħob marbuta mal-volleyball fost l-oħrajn.