Internazzjonali

Karozza misjuqa għal ġo folla waqt parata tal-Karnival fil-Ġermanja…Talanqas għaxra midruba

Talanqas għaxar persuni weġġgħu wara li karozza daħlet direttament fuq folla nies li kienu qed jattendu parata tal-karnival fil-belt Ġermaniża ta’ Volkmarsen. Intant, is-sewwieq tal-karozza, bħalissa, qed jinżamm mill-pulizija, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Filwaqt li mhumiex ċari l-iskop u n-natura tal-inċident, is-sit inkwistjoni jinsab imdawwar b’numru kbir ta’ ħaddiema għall-emerġenzi. Il-belt ta’ Volkmarsen tinsab fl-Istat ta’ Hesse, lejn il-Punent tal-Ġermanja, u l-paniku kellu jseħħ waqt l-eqqel taċ-ċelebrazzjonijiet għal Rosenmontag – jew it-‘Tnejn tal-Ward’ – li hu jum sinonimu mal-Karnival, tul il-Ġermanja.

Ir-rapporti qalu li l-karozza, ta’ tip Mercedes, saqet b’veloċità għal fuq in-nies preżenti għall-manifestazzjoni, bir-ritratti li ħarġu fuq il-media soċjali juru din il-karozza fis-sit, filwaqt li mdawwra bil-vetturi għall-emerġenzi.

Għalissa ma ssemma xejn dwar il-potenzjal tat-terroriżmu f’dawn iċ-ċirkustanzi…