Lokali

L-awtoritajiet għadhom jinsistu li ma jipprovdux tabib biex jiċċekkja lill-baħrin

Żewġ bastimenti tal-merkanzija għadhom mgħobbija u weqfin fil-portijiet Maltin jistennew li jibdew jinħattu.

Dan hekk kif il-ħaddiema tal-port qed isegwu direttivi tal-Malta Dockers Union, li fost oħrajn huma ordnati li ma jkollhomx kuntatt mal-bastimenti mgħobbija baħrin li għadhom ġejjin minn Genova, fl-Italja.

Il-ħaddiema tax-xatt qed jitolbu garanziji li l-ħaddiema abbord il-bastiment tal-Grimaldi Lines huma kollha f’saħħithom u mhux infettati mill-Coronavirus.

Net News jista’ jikkonferma li l-kaptan, skont kif inhi l-liġi marittima internazzjonali, ipprovda d-dokumenti meħtieġa lill-awtoritajiet tal-port.

Madankollu l-ħaddiema tal-port irrifjutaw li jniżżlu l-merkanzija hekk kif qed jilmentaw li jridu li fil-post ikun hemm ukoll tabib li jiċċertifika li dak li qed jiddikjara l-kaptan hu minnu.

Fid-dawl ta’ dan, il-grupp Sullivan Maritime, rappreżentant f’Malta ta’ bastiment ilu mill-05:30 ta’ dalgħodu mimli bl-affarijiet impurtati minn barra iżda mwaħħal fil-port iltaqa’ mal-Malta Dockers Union, li tirrappreżenta lill-ħaddiema tax-xatt.

Il-grupp offra li jingaġġa tabib privat bi spejjeż għalih, biex janalizza s-sitwazzjoni u joffri l-garanziji meħtieġa. Din it-talba ntlaqgħet mill-ħaddiema tax-xatt.

Madankollu jidher li direttiva li hemm fis-seħħ mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali ma tippermettix li jkun tabib privat li jagħmel dan.

Għalhekk, Sullivan Maritime għamel kuntatt mal-awtoritajiet, fuq hotline tal-Gvern imwaqqaf speċifikament minħabba r-riskju tal-Coronavirus li rrifjutaw talba li allura jkunu l-awtoritajiet li jipprovdu tabib.

Dan hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa qed jinsistu li, ladarba l-kaptan ipprovda l-garanziji neċessarji, allura dan hu biżżejjed … xi ħaġa li l-ħaddiema tax-xatt mhux jaċċettaw.

Fi stqarrija, il-Malta Dockers Union ikkonfermat li l-awtoritajiet mhux jieħdu din il-kwistjoni b’serjeta tant li ddikjarat li “għandhom jittieħdu miżuri effettivi biex ikun aċċertat li kull bastiment li jidħol fil-portijiet tagħna jkun ħieles mill-Coronavirus.”

Fil-port hemm ukoll il-bastiment Maria Grazia Onorato, ta’ Onorato Group, li għaddej minn sitwazzjoni simili fejn hu mgħobbi b’merkanzija li mhix tinħatt.

Dan mistenni jkompli jtawwal is-sitwazzjoni bi problemi maġġuri anke għal diversi aġenti li qed jistennew ix-xogħol biex ikomplu bl-operat tagħhom.

Il-ħaddiema tax-xatt saħansitra qed jilmentaw li l-awtoritajiet mhux jagħtu każ saħħithom. Dan hekk kif ingħataw biss maskli bħalma jużaw id-dentisti, li mhux adattati kontra dan il-virus, biex jitilgħu abbord il-bastimenti li waslu minn Genova.

Il-Malta Dockers Union iddikjarat li d-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sakemm tkun “sodisfatta li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex titħares is-saħħa u s-sigurta tal-ħaddiema.”

Iktar kmieni: https://netnews.com.mt/2020/02/24/thassib-dwar-il-coronavirus-fmalta-il-burdnara-fxatt-il-laboratorju-u-ras-hanzir-jieqfu-joperaw/