Lokali

L-inħawi tal-Mellieħa mblukkati bit-traffiku wara żewġ inċidenti fi ftit ħin

Sewwieq ta’ mutur residenti l-Mellieħa ndarab f’inċident li seħħ fl-inħawi tat-Telgħu ta’ Selmun għall-ħabta tas-13:30.

Dan hekk kif iż-żagħżugħ Slovakk ta’ 28 sena, li kien qed isuq mutur tat-tip Honda CB, kellu impatt ma’ vettura tat-tip Toyota Aygo misjuq minn raġel Ingliż ta’ 64 sena.

Ftit tal-ħin wara li t-triq infetħet mill-ġdid għat-traffiku , seħħ impatt ieħor bejn żewġ vetturi fuq il-post fl-inħawi tal-Mistra, ftit bogħod mill-inċident preċedenti..

Mill-informazzjoni li għandu Net News jirriżulta li mill-inqas wieħed mis-sewwieqa ndarab, għalkemm mhux bi ġrieħi serji.

It-triq ingħalqet għat-traffiku hekk kif, bl-impatt, iż-żewġ vetturi ma jistgħux jinstaqu. Fl-istess waqt, trailer waqaf fit-triq li mill-Manikata tieħu lejn il-Mellieħa u wassal biex triq oħra spiċċat magħluqa.

Konsegwenza ta’ dan, il-vetturi kollha qed jippruvaw jgħaddu mill-Miżieb, fejn it-toroq huma dojoq. Dan wassal biex fl-inħawi nġema’ traffiku qawwi li jwassal sax-Xemxija u l-Manikata fost oħrajn.