Lokali

Libjan mixli bil-hijack tal-Afriqiyah Airways jammetti kollox fil-Qorti

Shah Soko Moussa ta’ 29 sena minn Sebha fil-Libja, li huwa wieħed mill-irġiel akkużati bil-hijacking tat-titjira ta’ Afriqiyah Airways, li wassal biex din tinżel Malta fl-2016 iddeċieda li jammetti l-akkużi kollha kontrih fil-Qorti tal-Maġistrati.

Meta kellu jitkompla jinstema’ l-każ tiegħu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Moussa ddeċieda li jammetti l-akkużi kollha miġjubin kontrih, li fil-maġġoranza tagħhom iġorru piena ta’ bejn seba’ snin u għomor il-ħabs, flimkien ma’ multi kbar.

Minħabba li l-Qorti tal-Maġistrat ma tistax tagħti sentenza ta’ aktar minn 10 snin ħabs, il-Maġistrat qalet li kienet se tibgħat l-atti kollha tal-każ lill-Avukat Ġenerali biex issa tkun il-Qorti Kriminali Superjuri li tagħti s-sentenza.

Il-Libjan kien qed jiġi akkużat b’terroriżmu, bil-ħtif ta’ ajruplan, li flimkien ma oħrajn kellu fil-pussess tiegħu armi foloz, li nżammu passiġġiera abbord l-ajruplan kontra r-rieda tagħhom u li sar attentat biex tinħoloq instabilità ekonomika għall-Gvern.

Sadanittant wara li wissiet għal darba, tnejn, tlieta bil-konswegwenzi lill-imputat dwar il-pieni ħorox li kien qed jiffaċċa bl-ammissjoni tiegħu, huwa qal kien determinat li jammetti l-ħtija kollha.

Kien hemm mumenti wara l-hijack li saru xi negozjati mal-Avukat Ġenerali, bil-prosekuzzjoni li kienet mistennija tinsisti fuq 10 snin priġunerija, bil-kundizzjoni li Shah Soko Moussa ta’ 29 sena minn Sebha fil-Libja jixhed kontra l-akkużat l-ieħor, Ali Ahmed Saleh ta’ 30 sena, minn Sebha wkoll, iżda jidher li dan ma seħħx.

Dawn it-tnejn qed ikunu akkużati illi wettqu hijacking tal-ajruplan in kwistjoni jiem qabel il-Milied, nhar it-23 ta’ Diċembru tal-2016. Dawn iffaċċjaw ħafna iktar akkużi, fosthom ta’ terroriżmu u li żammew diversi persuni, fosthom l-ekwipaġġ kontra l-volontà tagħhom, inkluż il-Kaptan tal-ajruplan tat-tip Airbus A320.

Akkużi oħra jinkludu li dawn li wettqu l-hijack kienu armati waqt l-Ajruplan inħataf fuq it-territorju Libjan. L-arjuplan kellu fuqu 111-il passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ, qabel ma kien maħtuf. Moussa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €50,000 fi Frar ta’ sentejn ilu.

L-avukat Martha Mifsud u George Anton Buttigieg deheru għal Moussa, L-Bl-avukati Elaine Mercieca Rizzo u Charles Mercieca qed jidhru għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenrali.