Tkompli toqrob l-uffiċjalità biex Liverpool ikunu dikjarati champions tal-Ingilterra. Iżda dan għamluh bi tbatija f’rebħa ta’ 3-2 kontra West Ham f’darhom. Il-prestazzjoni tat-tim ta’ David Moyes kienet pożittiva hekk kif urew spirtu li jissieltu għal kull ballun minkejja l-kwalità tal-avversarji. B’dan ir-riżultat, Liverpool jonqoshom biss erba’ rebħiet biex jirbħu l-kampjonat filwaqt li West Ham baqgħu mal-aħħar tlieta fil-klassifika.
Liverpool fetħu l-iskor wara biss disa’ minuti bi kross mil-lemin ta’ Trent Alexander-Arnold isib lil Georginio Wijnaldum li żmarka ruħu u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Lukasz Fabianski. Reazzjoni immedjata ta’ West Ham li ġabu d-draw tliet minuti wara. Minn korner ta’ Robert Snodgrass mil-lemin, id-difensur Issa Diop għeleb lil Alisson Becker b’daqqa ta’ ras fuq l-ewwel lasta.
Sorprendentament, West Ham marru minn fuq fl-54 minuta bi kross preċiż ta’ Declan Rice jsib lil Pablo Fornals li skorja b’konklużjoni mill-ewwel għar-rokna. Liverpool ġabu d-draw b’mod fortunat fid-69 minuta b’konklużjoni fil-baxx ta’ Mohamed Salah tgħaddi minn bejn saqajn Fabianski.
Il-gowl tar-rebħa wasal fil-81 minuta meta xutt ta’ Joe Gomez kien imxellef u spiċċa fid-direzzjoni ta’ Alexander-Arnold li xeħet għan-nofs lejn Sadio Mane li skorja mill-qrib. L-istess Mane kienu għoddu għamel l-iskor 4-2 iżda l-gowl ġie mħassar għal offside ġust.
//= $special ?>