Lokali Qorti

Sena ħabs għal 18-il immigrant, ieħor disa’ xhur u ieħor mhux ħati fuq l-irvellijiet ta’ Ottubru f’Ħal Safi


Il-Qorti kkunndannat 18-il immigrant għal sena ħabs kull wieħed, ieħor għal disa’ xhur peress li għad għandu 17-il sena, u ieħor ma nstabx ħati li f’Ottubru li għadda pparteċipaw f’irvellijiet u wettqu ħsara fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi. L-etajiet ta’ dawn l-immigranti jvarjaw minn 17 sa 28 sena

Dsatax mill-immigranti ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom filwaqt li dak li m’ammettiex ma nstabx ħati minħabba li kien hemm dubji kbar fuq kemm vera pparteċipa fl-irvellijiet.

Huma kienu qegħdin jiġu mixlijin li bejn l-10.00am. u t-3.00pm. fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ġewwa Ħal Safi għamlu ħsara ta’ aktar minn €2,500 għad-dannu tal-Gvern ta’ Malta, li ħadu sehem attiv f’ġemgħa ta’ aktar minn 10 minn nies. Dan bil-ħsieb li jikkommettu reat u anke jekk din il-ġemgħa ma kinitx imxewwxa minn xi ħadd partikolari.

Huma ġew akkużati wkoll li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi ta’ awtorità jew ta’ persuna jew persuni nkarigati mis-servizz pubbliku u li jew ma ħallewhomx jew fixkluhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Akkuża oħra fil-konfront tagħhom kienet li kisru l-ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied. Tnax minn dawn l-akkużati ġejjin mis-Sudan, u l-oħrajn mill-Marokk, Sawdi Arabja, Niġerja, Chad, Pakistan, Niġerja, Alġerija u Somalia.

Dawk li ammettew huma Idris Mohammed Lugman, Adam Yahya Mohammed, Taha Adam Ahmed, David Sunday, Yusuf Avdallah Ahmed, Yassen Naser, Tigani Ali Mohammed, Alnil Hamid, Musar Mohammed, Edregs Osman Fahed, Qamar Al Din Jebreel Abo, Eers Sadalla, Adam Ramadan Abdelrahman, Ibrahim Suieman Yousef, Anward Malik, Abdul Galeel Ahmed Mohamed, Musa Abubaker u Ali Mostafa.

Magħhom kien hemm immigrant ta’ 17-il sena. Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li minkejja kollox hemm evidenza konflinġenti fuq l-oġġetti li fuqhom saret il-ħsara, bħala sodod, televisions u CCTV cameras.

Fuq Montaser Motually li għandu 18-il; sena, li b’mod konsistenti ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih, qalet il-hemm dubji serji. Il-fatt li ħames membri taċ-Ċentru tad-Detenzjni qalu li ma rahx jipparteċipa fl-irvellijiet, ifisser ħafna – u għalhekk ma jistax jinstab ħati.

Fis-sentenza tagħha fil-konfront tal-ħatja, l-Qorti qalet li hija kkunsidrat l-ammissjoni tagħhom, anke jekk mhux fi stadju daqstant bikri. Madankollu, l-irġiel kollha għandhom kondotta nadifa u anke minħabba l-fatt li huma skużaw ruħhom għal dak li għamlu ma applikatx il-massima piena, u tat sentenza ta’ ftit aktar mil-minimu.

Iż-żmien li l-ħatja għamlu taħt arrest preventiv għandu jitnaqqas mis-sentenza, li jfisser li fil-konfront tat-18-il immigrant baqalhom jiskontaw madwar seba’ xhur ħabs, biż-żagħażugħ li mar disa’ xhur ħabs, jibqalu madwar erba’ xhur biex jiskonta. L-Avukat Noel Bartolo deher għall-immigranti filwaqt li l-Ispettur Roderick Attard mexxa l-Prosekuzzjoni.