Il-Gżejjer Kanarji – magħrufin bħala waħda mill-aktar zoni frekwentati mit-turisti – fl-aħħar sigħat spiċċaw litteralment koperti minn sħaba tar-ramel kbira, b’kaġun ta’ maltempata li oriġinat mir-reġjun tas-Sahara.
Il-kundizzjonijiet għamlu l-ħajja diffiċli għar-residenti tal-Gżejjer minbarra li ħarbtu l-iskedi tal-ivvjaġġar – b’mod partikulari t-titjiriet – għat-turisti li riedu jivvjaġġaw lejn dawn l-inħawi u ‘il hinn minnhom.
Fi tmiem il-ġimgħa, l-operatur tal-ajruport Aena kellu jikkanċella, jissospendi jew idawwar lura t-titjiriet lejn il-Gżejjer Kanarji minħabba l-kundizzjonijiet perikolużi dovuti għall-viżibbiltà baxxa. Madankollu, fl-aħħar sigħat, kienu reġgħu bdew it-titjiriet lejn l-ajruporti kollha ħlief għal Tenerife South – l-akbar fost iż-żewġ ajruporti internazzjonali fuq il-gżira ta’ Tenerife.
Il-Gvern reġjonali, intant, ħareġ allert fejn wissa biex in-nies jibqgħu ġewwa u jevitaw li jivvjaġġaw. Dan waqt li s-servizzi meteoroloġiċi ta’ Spanja bassru li kellhom iqumu l-rwiefen ġodda li jlaħħqu mal-120 kilometru fis-siegħa għall-Gżejjer Kanarji.
Aktar qabel, sensiela ta’ irwiefen litteralment kienu mexxew ‘sħaba’ kbira ta’ ramel mid-deżert tas-Sahara minn fuq l-Oċean Atlantiku u għal distanza ta’ xi 500 kilometru.
L-hekk-imsejjaħ sandstorm kien viżibbli mill-ispazju, bis-sħaba tar-ramel tkopri kważi għal kollox il-Gżejjer Kanarji għal diversi sigħat.
Intant, l-irwiefen kienu qed ifixklu wkoll l-isforzi għall-kontroll tan-nirien li kienu għaddejjin qalb territorju aħrax fuq il-gżira ta’ Gran Canaria.
//= $special ?>