Basketball Sport

Starlites jitilgħu fil-quċċata wara t-telfa ta’ Gżira Athleta

DEPIRO………………… 67

STARLITES GIG…….. 89

(12-28, 18-24, 17-14, 20-23)

Depiro: C. Johnson (21), D. Farrugia (8), O. Said (5), K. Xuereb (5), M. Borg, M. Brincat, A. Choma (22), A. Attard (6), T. Zammit

Starlites: A. Felice Pace (9), B. Zammit (2), R. Bonnici (6), I. Felice Pace (11), M. Fabri (2), M. Falzon (4), M. Scerri (8), R. Carabott (5), K. Kulos (36), R. Ahearn (6)

Referees: B. Vassallo, Z. Dobrosavljevic, V. Nikolic

Starlites komplew bir-riżultati pożittivi tagħhom biex bir-rebħa kontra Depiro telgħu fl-ewwel post. Spikka l-Amerikan Konor Kulas li temm il-logħba bħala l-aqwa skorer b’36 punt.

Fatt pożittiv għal Starlites hu li l-plejers kollha kisbu l-punti. Depiro kienu mingħajr l-Amerikan Quinn Cooper u rritornaw Timothy Zammit u Omar Said, b’tal-aħħar jitlef l-aħħar tliet logħbiet. Depiro ntlaħqu minn Luxol fi dwell bejniethom li xi ħadd minnhom se jispiċċa barra mill-play-offs. Fil-preżent Depiro jinsabu qabel Luxol minħabba riżultat aħjar fil-konfront dirett.

Id-differenza prinċipali kienet fl-ewwel perjodu, b’Starlites jiksbu vantaġġ ta’ 28-12, vantaġġ li Depiro qatt ma rkupraw minnu. Fit-tieni perjodu, Depiro bdew jilagħbu aħjar iżda f’mument minnhom Starlites kisbu 10 punti konsekuttivi. Huma reġgħu kellhom perjodu simili lejn it-tmiem biex daħlu jistrieħu ta’ 52-30.

Għalkemm b’vantaġġ komdu, Starlites ma kinux kuntenti jikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom. Depiro rnexxielhom inaqqsu ftit id-distakk iżda xorta baqgħu distakkati u bdew l-aħħar perjodu 19-il punt bogħod. L-aħħar perjodu kien l-aħjar wieħed għal Depiro iżda Starlites xorta rebħu l-perjodu b’Kulas ikompli jikseb il-punti.

BUPA LUXOL…………… 82

GŻIRA ATHLETA……… 69

(29-10, 22-19, 12-17, 19-23)

Luxol: J. Cefai (3), V. Jandric (18), N. Andrejevic (3), E. Caruana Montaldo, F. Mifsud Bonnici (9), J.P. Schembri (6), K. Dimech (21), W. Claiborne (22)

Gżira Athleta: C. Crossland (13), E. Sciberras, L. Stefanovic (7), S. Galea (7), N. Xuereb (15), M. Gouder (13), I. Thiesen (14), N. Buhagiar, R. Abela

Referees: K. Dworniczak, L. Camilleri, S. Tafilica

Ikompli l-mument negattiv ta’ Gżira Athleta li sofrew it-tielet telfa konsekuttiva. Iċ-champions kienu għelbu lil Luxol fit-tliet logħbiet preċedenti u b’din it-telfa niżlu fit-tielet post wara konfront dirett inferjuri minn Hibernians. Luxol kienu mingħajr Stefan Cappello filwaqt li Gżira Athleta ma kellhomx fit-tim lil Peter Shoults u Shawn Pace. L-Amerikan William Claiborne spiċċa l-aħjar skorer tal-logħba bi 22 punt li għamlu lil Luxol kompetittivi.

Il-partita kienet deċiża sa nofsha. Luxol kisbu 23 minn 26 punt biex bnew vantaġġ tajjeb li komplew jikkonsolidawh. Athleta tjiebu ftit fit-tieni perjodu u naqqsu d-distakk għal 35-24 permezz ta’ Luca Stefanovic u Ian Thiesen. Iżda Luxol kisbu 16 mill-aħħar 21 punt biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu ta’ 51-29.

Wara l-mistrieħ, Luxol saħansitra kabbru d-distakk għal 27 punt, b’reazzjoni ta’ Athleta permezz ta’ Matthew Gouder u Connel Crossland twassal biex id-distakk niżel għal 19-il punt. Iċ-champions ma rnexxielhomx inaqqsu d-distakk b’mod konsiderevoli. F’mument minnhom kisbu disa’ punti konsekuttivi iżda kien tard wisq biex jevitaw it-telfa, b’Luxol jamministraw l-aħħar mument, b’Juan Cefai saħansitra jissiġilla r-rebħa b’konklużjoni mid-distanza.

Klassifika wara disa’ logħbiet: Starlites 16-il punt, Hibernians 15-il punt, Gżira Athleta 15-il punt, Depiro 11-il punt, Luxol 11-il punt