Lokali

Talba biex il-logħob tas-Serie A jsiru bla partitarji – mijiet ta’ Maltin mistennija jiġu affettwati

It-tmexxija tal-Lega Serie A talbet lill-Gvern Taljan biex japprova li l-logħob li jmiss tas-Serie A jintlagħbu mingħajr partitarji minflok jitħassru jew jiġu posposti għal data oħra.

It-talba, iffirmata mill-President tal-Lega Calcio Serie A Paolo Dal Pino, tolqot kull logħba minn issa sal-24 ta’ Mejju li ġej.

Logħob oħra aktarx jiġu kanċellati. Fost dawn il-logħba bejn Udinese u Fiorentina, hekk kif l-awtoritajiet ta’ Fruli Venezia Giulia kkanċellaw kull manifestazzjoni pubblika sal-1 ta’ Marzu.

Sadattant il-President ta’ Juventus, Andrea Agnelli, jidher li mhux joġġezzjona li l-partitissima ta’ tmiem il-ġimgħa bejn Juventus u Inter tintlagħab mingħajr partitarji.

F’kummenti li ta, hu ddikjara li l-priorità bħalissa hi s-saħħa pubblika u li hu lest jaċċetta kull proposta sakemm is-saħħa tkun fuq quddiem. Qal li jekk toħroġ ordi li l-logħba ssir wara bibien magħluqa, hu jaċċetta li jagħmel dan hekk kif mhux faċli li l-logħob jiġu posposti u jintlagħbu f’ġurnata oħra.

Net News jinsab infurmat li hemm għexieren ta’ Maltin li għandhom kollox ibbukkjat għal din il-logħba, inkluż titjiriet, lukandi u biljetti tal-grawnd li f’xi każi jlaħħqu l-mijiet ta’ ewro.

L-ewwel indikazzjonijiet huma li fil-maġġoranza tal-każi dawn l-ispejjeż mhux koperti mill-poloz tal-assigurazzjoni.