Lokali

TĦASSIB DWAR IL-CORONAVIRUS F’MALTA: Il-ħaddiema tal-port jieqfu joperaw

Diversi burdnara li joperaw fil-Raħal Ġdid, fl-inħawi magħrufa bħala Ras Ħanżir waqqfu l-operat tagħhom hekk kif jinsabu mħassba għal saħħithom.

Dan hekk kif ilmentaw li fil-post m’hemmx tobba u qed jagħmlu kuntatt mal-barranin, li fost oħrajn ġejjin minn portijiet fl-Italja.

Ftit tal-ħin wara waqfu joperaw ukoll il-burdnara f’Xatt il-Laboratorju. Dan wara li qajmu tħassib li d-dokumenti li jagħtu l-all clear li l-baħrin abbord huma kollha screened ma kinux veritiera.

Hekk kif tkellmu ma’ net News huma spjegaw li, waqt li fl-Italja diġa mietu ħames persuni, sa nofs siegħa ilu kienu qed iniżżlu l-kontejners minn fuq il-bastimenti u jagħmluha ma’ baħrin li daru diversi portijiet qabel waslu f’Malta.

Fid-dawl ta’ dan iddeċidew li ma jkomplux jirriskjaw saħħithom, jew agħar minn hekk ħajjithom, sakemm l-awtoritajiet jibqgħu ma jiħdux bis-serjetà din is-sitwazzjoni.

Konsegwenza ta’ dan, l-operat fil-port f’dawn l-inħawi qala’ daqqa ta’ ħarta u hu rappurtat dewmien fis-servizz, li mhux eskluż li jispiċċa jieqaf għalkollox.

Minkejja dan, ta’ min jippreċiża li l-operat fil-Port Ħieles jidher li s’issa għadu ma ġiex affettwat.