Futbol Sport

Chelsea jilqgħu lil Bayern Munich fi Stamford Bridge llejla

(Ritratt: EPA)

Chelsea jilqgħu lil Bayern Munich fi Stamford Bridge, f’ripetizzjoni tal-finali tal-2012. Chelsea ġejjin minn rebħa importanti kontra Tottenham li biha saħħew ir-raba’ post fil-Premier League.

Bayern Munich jinsabu fil-quċċata tal-Bundesliga iżda bil-kontra tal-aħħar staġuni, f’dan l-istaġun qed ikunu sfidati minn Leipzig u Borussia Dortmund. Din ir-raġuni jista’ jkun li qed tgħin lit-tim Ġermaniż biex itejjeb il-prestazzjoni fil-UEFA Champions League.

Chelsea żgur iridu joqogħdu attenti għall-attakkant Robert Lewandowski li jinsab għaddej mill-aqwa staġun tiegħu fiċ-Champions League ma’ Bayern Munich. Il-Pollakk jinsab flimkien ma’ Erling Haaland bħala l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni b’10 gowls.

Aktar minn hekk, l-ebda tim ma skorja jew kellu xuttijiet fil-lasta aktar mill-Bavarjani. L-aħħar darba li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu kien fl-2013 fil-UEFA Super Cup, biċ-champions Ġermaniżi joħorġu rebbieħa.

Il-manager ta’ Chelsea Frank Lampard se jerġa’ jkun mingħajr Christian Pulisic, Callum Hudson-Odoi u N’Golo Kante. Tammy Abraham daħal bħala sostitut fl-aħħar logħba s-Sibt li għadda u teżisti possibbiltà li Olivier Giroud jżomm postu mal-ewwel 11.