Lokali

CORONAVIRUS: Il-poplu jrid ikun jaf x’hemm imħejji għalih – Kamra tan-negozji żgħar u medji

Iċ-ċittadin għandu jiġi mgħarraf dwar il-pjan ġaladarba jitfaċċa l-virus fil-Gżejjer Maltin

Il-kriżi tal-Coronavirus qed tqajjem tħassib serju fil-kummerċ, mhux biss lokali iżda ankè b’mod internazzjonali. Dan ġie spjegat mill-Kamra tan-negozji żgħar u medji fi stqarrija ingħad li fl-aħħar ġimgħat l-ammont ta’ domandi li rċevew żdiedu jum wara ieħor. Fosthom kien hemm mistoqsijiet dwar saħħet il-ħaddiema u min iħaddem kif ukoll id-dewmien sabiex jirċievu l-merkanzija minħabba l-effett li dan il-virus qed iħalli barra minn xtutna.

Membri tal-kamra, bħal ma deher ċar fis-sigħat li għaddew, irrapportaw li kien hemm żieda qawwija ta’ persuni li marru jixtru minn supermarkets u ħwienet tal-merċa kawża tas-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Italja. Huma saħqu li s’issa l-pubbliku m’għandux għalfejn jallarma ruħu b’dan il-mod u għandu jibqa’ jgħix ħajtu fin-normalità assoluta – għajr biss li jieħu l-prekawzjonijet neċessarji.

Huwa evidenti però li l-pubbliku jrid ikun jaf b’mod imminenti u sempliċi x’inhu l-pjan ta’ tħejjija rigward infrastruttura u loġistika ġaladarba jitfaċċa dan il-virus fil-Gżejjer Maltin – ħaġa li ankè l-Kamra stess tixtieq tkun taf mill-aktar fis possibli. Malta, kompliet il-Kamra, hemm bżonn li tkun preparata għall-agħar konsegwenza possibli u l-pjanijiet għandhom bżonn ikunu pubbliċi għas-serħan il-moħħ tal-poplu.

Sal-jum tat-Tnejn il-burdnara talbu protezzjoni bil-Kamra tan-negozji żgħar u medji jitolbu li għandhom jingħataw dak kollu li għandhom bżonn għas-sigurtà tal-ħaddiema.

Fi stqarrija l-Kamra spjegat li ħafna mill-materjal importat jiġi miċ-Ċina, fejn minkejja li pajjiżna jimportahom mill-Ewropa xorta waħda jkunu produċuti mill-pajjiż Ażjatiku. Għaldaqstant, kawża tal-fatt li bħal ma’ nafu fiċ-Ċina hemm kriżi totali b’certu fabbriki magħluqa b’mod indefinit – ser jinħoloq xkiel fil-ħwejjeġ importati f’Malta.

Għal dan il-għan, il-Kamra tan-negozji żgħar u medji appellat lill-ħwienet u kumpaniji lokali sabiex iżommu dan kollu fuq moħħhom u jippjanaw alternattivi oħra sabiex kemm huma kif ukoll il-klijenti ma jsofrux il-konsegwenzi.