Lokali Saħħa

Coronavirus: L-Oppożizzjoni toffri l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet lokali fl-interess tal-poplu

Immaġni mil-laboratorju tal-Coronavirus

Il-Partit Nazzjonalista jinnota s-sitwazzjoni kif qed tiżviluppa dwar il-Coronavirus.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li din hi materja ta’ interess nazzjonali u l-PN qed joffri l-għajnuna u l-appoġġ kollu meħtieġ lill-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna, lill-awtoritajiet portwali u lill-Gvern biex nilqgħu għal dan il-virus.

Għalhekk l-Oppożizzjoni se tkompli tkun ta’ sapport għal kull sitwazzjoni f’dawk li huma servizzi u loġistika offruti mill-awtoritajiet tas-saħħa u dawk portwali f’pajjiżna. 

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex ikompli jżomm lill-poplu infurmat bl-iżviluppi kollha li jkunu qegħdin iseħħu u biex jalloka r-riżorsi kollha meħtieġa lill-pubbliku; lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u dawk portwali u lil kull min permezz tax-xogħol tiegħu jkollu kuntatt ma’ persuni li qegħdin jivvjaġġaw jew max-xogħol tal-merkanzija li jidħol f’pajjiżna.

 Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-poplu Malti sabiex quddiem din is-sitwazzjoni jevita allarm żejjed u jsegwi d-direttivi li jinħarġu mill-awtoritajiet konċernati.