Lokali Saħħa

CORONAVIRUS: Xkafef vojta u nies fi kwarantina volontarja

Minkejja li tobba Maltin qed jinsistu li mhix sitwazzjoni ta’ allarm, fl-aħħar sigħat rajna supermarkets ewlenin bi kjus twal ta’ nies u xkafef vojta, u l-union tal-ħaddiema tal-portijiet, l-MDU, għadha qed titlob miżuri aktar b’saħħithom biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema tagħha.

F’nofs dan it-tħassib kollu, l-awtoritajiet Maltin ikkonfermaw li sa issa m’hawn ebda kaz ta’ Coronavirus f’pajjizna; dan minkejja rapporti konflinġenti li qed jaslulna.

Martin Balzan, President tal-Assoċċjazzjoni tat-Tobba,  esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li għadha qed topera t-titjira ta’ kuljum bejn Bergamo u Malta. Dan l-ajruport hu l-eqreb wieħed tal-epiċentru tal-epidemija fl-Italja.

Net News jinsab infurmat li la fil-Cruise Liner Terminal u lanqas fit-terminal tal-catamaran mhu qed isir l-ebda tip ta’ screening fuq il-passiġġieri li deħlin Malta.

Fil-każ tal-Cruise Terminal, Net News ikkonferma li l-iscreening għad irid jibda jsir u li l-apparat s’issa għadu ma twaħħalx. L-aħħar cruiseliner li niżżel il-passiġġieri f’pajjiżna daħal fil-port dalgħodu.

Intant, l-MDU, il-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-port, fi stqarrija insistiet li ghandhom jittieħdu miżuri effettivi biex ikun aċċertat li l-vapuri li jidħlu fil-portijiet tagħna jkunu ħielsa mil-Coronavirus.

L-MDU qalet li  minkejja t-taħditiet mal-Gvern, l-istess union ħasset li kellha toħroġ direttivi lill-membri tagħha biex ħadd ma jitla’ fuq bastimenti li se jidħlu fil-portijiet Maltin sakemm ikunu sodisatti li qed jittieħdu miżuri serji, inkluż li jkun tabib li jipprovdi l-garanziji neċessarji lill-ħaddiema. 

Minkejja li diversi tobba u kelliema mill-awtoritatjiet tas-saħħa qalu li l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hu li nippanikjaw u appellaw sabiex kulħadd jieħu l- prekawzjonijiet importanti mingħajr il-bżonn ta’ paniku, ħafna kienu dawk li fl-aħħar jiem pruvaw jixtru maskri protettivi, hand sanitizers u mediċini, u ħafna wkoll kienu dawk li għamlu xirjiet kbar biex jistokkjaw ikel li jżomm fit-tul, b’uħud mis-supermarkets saħansitra jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom hekk kif spiċċaw żvujtaw mill-provvisti.

Fi żviluppi oħra, jidher li qed jissokta t-tħassib reali fost persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Staff fil-polikliniċi qed jilmentaw li għadhom mingħajr maskri protettivi. Meta saqsew għal dawn il-maskri, it-tweġiba kienet li “bħalissa maskri tajbin għat-tobba biss hemm”. Sorsi ohra qalulna illi l-isptar m’għandux il-qafas meħtieġ biex jilqa’ lil persuni b’dan il-virus.

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li din il-materja hi ta’ interess nazzjonali u l-PN qed joffri l-għajnuna u l-appoġġ kollu meħtieġ lill-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna, lill-awtoritajiet portwali u lill-Gvern biex nilqgħu għal dan il-virus. Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-poplu Malti sabiex quddiem din is-sitwazzjoni jevita allarm żejjed u jsegwi d-direttivi li jinħarġu mill-awtoritajiet konċernati.