Futbol Sport

Gnabry u Lewandowski jagħtu vantaġġ komdu lil Bayern Munich

(Ritratt: UEFA Champions League)

Bayern Munich kważi aċċertaw posthom mal-aħħar tmienja b’rebħa ta’ 3-0 fi Stamford Bridge. Din kienet l-ewwel logħba fil-kompetizzjoni mill-finali tal-2012 mirbuħa minn Chelsea. Bayern ikkonfermaw il-potenzjal tagħhom, bil-Ġermanja tikseb rebħa oħra fuq l-Ingilterra wara li l-ġimgħa l-oħra Leipzig għelbu lil Tottenham 1-0.

Il-manager ta’ Chelsea Frank Lampard żamm l-istess tim li għeleb lil Tottenham fil-Premier League s-Sibt li għadda. Fuq in-naħa l-oħra, Hansi Flick għamel erba’ bidliet mit-tim li rebaħ kontra Paderborn 3-2. Fl-ewwel taqsima ż-żewġ timijiet kellhom l-azzjonijiet tagħhom, b’Thomas Müller imur l-aktar viċin fis-36 minuta meta laqat il-mimduda b’daqqa ta’ ras.

Ċans għal Chelsea fil-bidu tat-tieni taqsima, b’Neuer isalva darbtejn fuq Mount u Ross Barkley. Iżda Bayern Munich fetħu l-iskor fil-51 minuta meta SERGE GNABRY ħabbat il-ballun ma’ Lewandowski u minn pożizzjoni ċentrali għeleb lil Caballero.

Tliet minuti wara l-iskor sar 2-0. Minn ballun fit-tul ta’ Neuer, SERGE GNABRY reġa’ ħabbat il-ballun ma’ Lewandowski u min-nofs il-grawnd, waslu sal-lasta bi tliet passaġġi, bil-Ġermaniż jiskorja b’xutt fil-baxx għar-rokna. Gnabry kważi għaqqad it-tripletta fid-59 minuta b’xutt fl-arja li għadda ftit għoli.

Bayern Munich saħansitra kabbru l-vantaġġ għal tliet gowls fid-76 minuta. Spikka Alphonso Davies li b’azzjoni personali ħarab fuq il-linja xellugija u wara li daħal fil-kaxxa tefa’ kross fil-baxx lejn ROBERT LEWANDOWSKI li ma kellux diffikultà biex ikompli l-ballun għal ġewwa. L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għal Chelsea hekk kif fl-84 minuta Marcos Alonso tkeċċa wara konsultazzjoni mal-VAR minħabba li niżżel lil Lewandowski mingħajr ballun.