Futbol Sport

Griezmann itappan il-prestazzjoni ta’ Napoli iżda r-riżultat iħallihom jittamaw li jikkwalifikaw

(Ritratt: UEFA Champions League)

Gowl ta’ Antoine Griezmann tappan ftit il-prestazzjoni ta’ Napoli li fi Stadio San Paolo żammew lil Barcelona fi draw ta’ 1-1. Din kienet l-ewwel logħba ta’ Lionel Messi fil-grawnd li spikka mhux ftit il-leġġenda Arġentina Diego Armando Maradona fi żmienu.

Għalkemm ir-riżultat hu favorevoli għal Barcelona, dan għandu jħalli lil Napoli b’tama li jistgħu joħolqu sorpriża fil-Camp Nou. L-aħħar rebħa għal Barcelona barra minn darhom kontra tim Taljan fil-fażi knock-out tal-kompetizzjoni tmur lura għal April 2006.

Lionel Messi prova wara għaxar minuti b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda għoli. Napoli fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob f’azzjoni tipika tagħhom. Kien kontrattakk, b’Piotr Zielinski jqassam mil-lemin lejn DRIES MERTENS li kkontrolla l-ballun u b’xutt meqjus għar-rokna għeleb lil Marc-Andre ter Stegen. Dan il-gowl kien speċjali għal Mertens li laħaq lill-aqwa skorer tal-klabb Marek Hamsik b’total ta’ 121 gowl. Fit-42 minuta, Kostas Manolas kellu tentattiv li għadda għoli wara li rċieva kross ta’ Jose Callejon.

Fil-bidu tat-tieni taqsima, daqqa ta’ ħarta għal Napoli hekk kif Mertens kellu jinbidel minħabba li weġġa’. Il-kowċ ta’ Barcelona Quique Setien daħħal lil Arthur flok Ivan Rakitic fis-56 minuta. Inċidentalment minuta wara ġabu d-draw, b’passaġġ vertikali ta’ Sergio Busquets isib lil Nelson Semedo. Id-difensur għeleb in-nasba tal-offside u tefa’ kross għan-nofs lejn ANTOINE GRIEZMANN li għeleb lil David Ospina mill-viċin.

Ir-risposta ta’ Napoli waslet b’azzjoni fuq ix-xellug ta’ Lorenzo Insigne iżda x-xutt finali ġie salvat minn ter Stegen. In-Naplitani baqgħu jikkontrollaw lill-avversarji, bil-Katalani jsibuha diffiċli biex jippenetraw fl-attakk.

Barcelona kellhom jilagħbu l-aħħar minuti b’raġel anqas wara li tkeċċa Arturo Vidal fid-89 minuta. Iċ-Ċilen ingħata karta safra għal fawl fuq Mario Rui, biż-żewġ plejers jargumentaw ma’ xulxin u wassal biex ir-referee Felix Brych juri t-tieni karta safra lil Vidal. Ftit wara, Gerard Pique kellu jinbidel minħabba li weġġa’, b’Napoli ma jkollhomx ħin biżżejjed biex jieħdu vantaġġ mis-superjorità numerika.