L-attur ċelebri Amerikan, Tom Cruise, ħarab mill-Italja lejn ir-Renju Unit fost il-paniku tal-coronavirus li qed jiddomina fir-reġuni Taljani.
Cruise, li għandu 57 sena u li hu famuż għal films ta’ azzjoni bħal Top Gun, Edge of Tomorrow, Samurai u Jack Reacher, spiċċa evakwat minn Venezja – fejn kien qed jiġbed is-seba’ kapitlu (film) tas-Sensiela Mission Impossible – minħabba li z-zona spiċċat ‘fost l-aktar postijiet fejn il-potenzjal ta’ infezzjoni (mill-coronavirus) huwa għoli’.
Sorsi qrib il-produzzjoni żvelaw li l-atturi u n-nies kollha involuti ma’ Mission Impossible huma mbeżżgħin bis-sitwazzjoni, meta sallum hemm seba’ mejtin ikkonfermati mill-coronavirus fl-Italja.
Wara l-laqgħat bejn il-produtturi tal-film u l-uffiċjali lokali ħareġ messaġġ ċar li t-theddida ta’ infezzjoni f’Venezja hi waħda serja – u speċjalment fejn ikun hemm il-folol. Il-waqfien tal-produzzjoni qed jiswa ħafna flus iżda s-sorsi infurmati għamluha ċara li ‘ħadd ma ried jissogra li jispiċċa infettat’, b’uħud mill-akbar ismijiet ta’ Hollywood ( involuti ma’ dan il-proġett) ‘ jitilqu bl-ajruplani privati tagħhom, fl-aħħar sigħat’.
Diversi zoni ta’ Venezja u l-madwar baqgħu taħt lockdown wara li l-famuż programm tal-karnival għal din il-belt spiċċa kanċellat bil-għan li l-virus ma jkomplix jinfirex.
//= $special ?>