Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jiżdiedu l-midruba tal-‘attentat ta’ omiċidju’ waqt il-karnival

Żdiedu għal 52 il-persuni li ndarbu b’kaġun ta’ inċident li fih raġel baqa’ dieħel bil-karozza għal ġo folla li kienet qed tassisti għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival fil-belt ta’ Volkmarsen.

Il-mottiv wara l-inċident tat-Tnejn baqa’ mhux magħruf, bil-pulizija tarresta ċittadin Ġermaniż ta’ 29 sena fuq suspett ta’ ‘attentat ta’ omiċidju’.

Tmintax mill-midruba fl-inċident huma tfal u, għalissa, ’il fuq minn 30 persuni li weġġgħu kienu għadhom rikoverati l-isptar. L-etajiet tal-vittmi f’dan il-każ ivarjaw min sentejn sa 85 sena.

L-inċident kien seħħ waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Rosenmontag – it-Tnejn tal-Ward – li hu avveniment popolari ħafna fil-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju u l-Iżvizzera. Intant, il-programmi tal-karnival qed ikomplu fl-Istat ta’ Hasse li jinkludi fih il-belt ta’ Volkmarsen.

Dan waqt li l-pulizija stqarrew li ma kien hemm ‘l-ebda indikazzjonijiet konkreti’ li setgħu jżidu l-element tas-sogru għal waqt l-isfilati karnivaleski.

L-inċident ta’ Volkmarsen seħħ meta r-raġel li qed jinżamm taħt arrest saq il-karozza Mercedes minn ġo barrikati tal-plastik u dritt għal ġo grupp ta’ persuni.

Ix-xhieda, wara, irrakkuntaw li s-sewwieq tal-karozza ‘deher li kien qed jagħfas il-gass sal-massimu’ u li ‘kien qed jimmira għat-tfal qalb il-folla’.

Sadattant ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ xi skop politiku wara l-inċident, fost rapporti li s-sewwieq tal-karozza kien se jitressaq quddiem maġistrat inkwerenti.

Lanqas ma kien ikkonfermat jekk is-sewwieq setax kien xurban jew ‘taħt l-influwenza tad-droga’ fil-ħin meta saq il-karozza lejn in-nies.

Filwaqt li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet, il-Kanċiller tal-Ġermanja, Angela Merkel, esprimiet messaġġ ta’ solidarjetà mal-midruba fl-inċident u mal-familji tagħhom.