Biex jipprova jfittex jgħatti xturu u xtur il-Gvern tiegħu, il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia għaġġel u pprova jippreżenta xi ħaġa li ma teżisitx.
Dan b’referenza għas-suppost diskussjoni mal-Kunsilli Lokali li se jintlaqtu mid-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi ż-żona tal-Miżbla tal-Magħtab.
Għax filwaqt li l-Ministru Farrugia qal li diġà saru diversi diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali u r-residenti milquta.
Filwaqt li l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava jaħsibha differenti.
Fi stqarrija ffirmata minnu, l-Assoċjazzjoni qalet li l-Gvern għandu jikkonsulta mal-Kunsilli u jagħti l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu. Qal li d-diskussjoni għandha ssir qabel ma jibda l-proġett u mhux wara.
Filwaqt li fakkar li l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huma l-akbar eżerċizzju demokratiku – li matulu jkunu eletti aktar minn 460 rappreżentant tal-poplu – Mario Fava kompla li l-Assoċjazzjoni tinsab imħassba kif pjan importanti bħal dak dwar l-immaniġġjar tal-iskart mhux jiġi diskuss biżżejjed.
L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li qed tagħmel minn kollox biex tassisti lill-Gvern Ċentrali jilħaq il-miri ambjentali tiegħu, għalkemm il-Gvern waqa’ lura mhux ħażin anke f’dan ir-rigward. Fil-fatt, hu kellu jħallas il-miljuni ta’ ewro biex jagħmel tajjeb għax ma laħaqx il-miri Ewropej.
Mario Fava qal li għalkemm tifhem l-urġenza tal-problema u l-importanza tas-soluzzjoni, l-Assoċjazzjoni ma tistax ma tesprimix it-tħassib li għadd ta’ tomniet ta’ art agrikola se jispiċċaw estensjoni ta’ miżbla. Dan se jkun ta’ dannu, mhux biss għaż-żoni milquta, iżda wkoll għall-pajjiż kollu.
//= $special ?>