Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru u l-Uffiċjali tiegħu jfarfru mir-responsabbiltà

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni tefa’ r-responsabbiltà fuq il-ġenituri, l-istudenti u l-għalliema biex jaraw li t-tfal iġorru basktijiet b’piż adegwat minflok ma ra kif isolvi din il-problema hu.

Għax minħabba li għadhom ma tlestewx lockers jew spazji fl-Iskejjel stess fejn l-istudenti jżommu l-kotba li ma jkollhomx bżonn, il-Ministeru nieda linjigwida dwar x’affarijiet l-istudenti għandhom jieħdu fl-Iskejjel.

Il-Ministru Owen Bonnici stieden lill-istudenti ma jġorrux magħhom affarijiet li ma jkollhomx bżonn, lill-ġenituri biex jiċċekjaw uliedhom x’jieħdu magħhom u lill-għalliema biex ikunu aktar attenti fit-timetables li jagħtu lill-istudenti.

Il-Ministru u l-Uffiċjali fil-Ministeru taw diversi eżempji ta’ x’jista’ jiġi evitat, fosthom li fliexken ma jkunux mimlija bl-ilma ħalli mbagħad, l-istudenti jimlewhom mill-water fountains li se jsibu fl-Iskejjel.

Biss, il-kelliema kellhom jammettu li sal-aħħar ta’ din is-sena skolastika, kulma se jkunu ġew installati huma biss tmien water fountains. Għaldaqstant, minħabba t-tkaxkir tas-saqajn mill-Ministeru, it-tfal se jkollhom jibqgħu jieħdu l-fliexken mimlija mid-dar.

Bl-istess mod, ma kienux kapaċi jagħtu perjodu preċiż meta, bl-użu tat-tablets, l-istudenti ma jkollhomx għalfejn iġorru ħafna kotba.

Il-kelliema spjegaw li dawn il-linjigwida nħarġu wara stħarriġ li sar fl-2016 bl-għajnuna ta’ Fiżjoterapisti, fejn irriżultat ċara r-relazzjoni bejn il-piż fil-basktijiet u l-uġigħ f’dahar l-istudenti. Fil-fatt, meta suppost li l-basket ikun tqil 10% tal-piż tal-istudent, mill-istħarriġ irriżulta li dan ma kienx il-każ għal 70% tal-istudenti li wiegbu l-istħarriġ.

Ingħad li l-linjigwida – li jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tal-Ministeru – se jibqgħu miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika sal-aħħar ta’ April qabel ma dawn jiġu aġġornati u jiddaħħlu fis-seħħ.