Internazzjonali

Imut l-eks President tal-Eġittu Hosni Mubarak

L-eks President Eġizzjan, Hosni Mubarak, miet l-isptar fil-belt tal-Kajr fl-età ta’ 91 sena. Mewtu kienet ikkonfermata mill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Istat, b’sorsi oħrajn fl-Eġittu jsostnu li Mubarak qatta l-aħħar sigħat ta’ ħajtu ġo sptar militari.

Hosni Mubarak, li kien dam fil-poter għal 30 sena , kien tneħħa mit-Tmexxija mill-militar ta’ pajjiżu, fl-2011, fi żmien meta l-Eġittu kien għaddej mill-eqqel tar-rewwixta popolari tar-Rebbiegħa Għarbija.

Mubarak kien instab ħati dwar kompliċità fil-qtil ta’ dimostranti waqt ir-rivoluzzjoni u spiċċa kkundannat il-ħabs. Intant, is-sentenza ta’ kundanna, maż-żmien, kienet irtirata, bl-eks President jingħata l-libertà f’Marzu tat-2017 wara li nħafrulu ħafna mill-akkużi.

Fil-bidu tas-sena, Mubarak kellu jgħaddi minn intervent kirurġiku u sa ftit jiem ilu biss, il-membri tal-familja tiegħu kienu qalu li l-eks President kien qed jinżamm taħt kura intensiva.

Hosni Mubarak kien ħa l-poter fl-1981 bħala r-raba’ President tal-Eġittu u bħala s-suċċessur tal-President Anwar Sadat li kien spiċċa assassinat.

Matul it-tmexxija tiegħu hu baqa’ alleat sod tal-Istati Uniti filwaqt li baqa’ jirrispetta bis-sħiħ il-ftehim għall-paċi storiku li pajjiżu kien laħaq ma’ Iżrael lejn l-aħħar tas-sebgħinijiet.

Madankollu, l-eluf taż-żgħażagħ Eġizzjani li fl-2011 ħadu sehem fil-protesti bla preċedent fil-Kajr matul ir-Rivoluzzjoni Għarbija se jibqgħu jqisu lil Hosni Mubarak bħala dittatur li ma riedx jimxi maż-żmenijiet.

Sadattant, Mubarak ħalla warajh wirt ftit jew wisq ikkumplikat meta t-tmexxija tiegħu, f’parti, kienet karatterizzata mill-korruzzjoni, flimkien ma’ problemi ekonomiċi u sistema ta’ ripressjoni infurzata mill-pulizija Eġizzjana.