Lokali Saħħa

BIR-RITRATTI: Kju akbar mis-soltu fis-supermarkets; tobba Maltin jinsistu li mhemmx lok għal allarm żejjed

Kju fis-supermarkets Maltin
"Importanti nieħdu l-prekawzjonijiet bażiċi bħal f'kull każ ta' influwenza"

Minkejja l-każijiet tal-Coronavirus li ġew konfermati pass bogħod minn pajjiżna, tobba Maltin qed jinsistu li dan m’għandux jikkawża allarm.

Tobba li tkellmu ma’ Net News qalulna li sa issa, n-numri tal-Coronavirus huma ferm inqas minn dawk tal-influwenza staġjonali li kull sena, sfortunatament, tħalli numru ta’ vittmi – partikolarment anzjani.

Id-differenza fil-każ tal-Coronavirus hi li aħna bħala bnedmin m’aħniex protetti, filwaqt li għall-influwenza nieħdu l-vaċċin kull sena.

“L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hu li nippanikjaw. Hemm prekawzjonijiet li kulħadd irid jieħu, u dawk huma importanti. Essenzjali wkoll li l-awtoritajiet iżidu l-monitoraġġ fl-ajruport u l-portijiet”, qaltilna waħda mit-tobba li tkellmet ma’ dan is-sit.

Jidher iżda li n-nuqqas ta’ informazzjoni (jew f’xi każi informazzjoni ħażina) li qed titwassal għal sitwazzjonijiet simili bħal dawk li rajna fl-Italja, partikolarment b’xiri mis-supermarkets sabiex il-familji jistokkjaw prodotti essenzjali. Informazzjoni, inkluż ritratti, li kiseb Net News juru li dalgħodu f’ċerti ħwienet tal-merċa u supermarkets kien hemm kjus ta’ nies aktar mis-soltu biex jagħmlu x-xirja tagħhom. Jidher li dan il-fatt kien relatat mas-sitwazzjoni tal-Coronavirus.


Tħassib fil-polikliniċi

Intant, jidher li qed jissokta t-tħassib reali fost persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa. Staff fil-polikliniċi qed jilmentaw li għadhom mingħajr maskri protettivi. Meta saqsew għal dawn il-maskri, it-tweġiba kienet li “bħalissa maskri tajbin għat-tobba biss hemm”.

Ilbieraħ, NET NEWS dar f’numru ta’ spiżerji fid-diversi lokalitajiet f’pajjiżna, biex nixtru l-maskri protettivi li jintużaw biex jikkontrollaw it-tixrid tal-mikrobi. Iżda f’kull spiżerija li dħalna fiha, qalulna li l-maskri kienu out of stock, u li fl-aħħar jiem żdied b’mod qawwi n-numru ta’ nies li talbuhom dawn it-tip ta’ maskri. 

Ikkummenta