Edukazzjoni Lokali Saħħa

L-ebda serħan il-moħħ mill-Ministru tal-Edukazzjoni

Immaġni mil-laboratorju tal-Coronavirus

Minkejja li l-Corona Virus issa jinsab fuq l-għatba ta’ pajjiżna, b’għadd ta’ persuni rrappurtati li tilfu ħajjithom fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici mhux kapaċi jserraħ moħħ il-ġenituri Maltin u Għawdxin li l-Iskejjel tal-Istat huma attrezzati biex jilqgħu għat-tixrid tal-virus.

Minn meta beda jinxtered dan il-virus, l-awtoritajiet tas-Saħħa qed jappellaw biex almenu, wieħed jaħsel idejh regolarment bħala waħda mill-metodi kif ikun evitat it-tixrid. Suġġeriment li jingħata anke f’każ ta’ viruses staġjonali, bħal fil-virus tal-influwenza, fejn qed ikun issuġġerit ukoll li wieħed jaħsel idejh bl-alkoħol.

Iżda, mistoqsi minn NET News, il-Ministru tal-Edukazzjoni ma kienx kapaċi jikkonferma jekk din il-ħaġa bażika teżistix fl-Iskejjel kollha tal-Istat. U minflok ma jipprevjeni, hu qed jinħeba wara l-iskuża li l-Corona Virus għadu ma messx lil pajjiżna u allura, m’hemmx lok ta’ allarm!

U mistoqsi minn ġurnalisti oħrajn, il-Ministru Owen Bonnici lanqas ma kien kapaċi jwieġeb jekk, fil-qasam Edukattiv, jeżistix xi pjan f’każ li l-virus ifeġġ f’pajjiżna. Minflok, hu tefa’ r-responsabbiltà fuq il-Ministeru tas-Saħħa.

Il-mistoqsijiet isegwu diversi telefonati ta’ tħassib minn ġenituri li, ma’ NET News, staqsew jekk il-Gvern hux qed jipproteġi lil uliedna bil-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus. Specjalment issa li jirritornaw lura fil-klassijiet wara l-vaganzi tal-Karnival.