Il-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, li jmexxi lill-Gvern fi Tripli li qed igawdi għarfien internazzjonali, ikkundanna bl-aħrax l-aħħar bumbardamenti fuq iz-zoni ċivili u l-ajruporti min-naħa tal-Armata tal-Lvant tal-Ġeneral Khalifa Haftar. L-Armata ta’ Haftar ilha minn April tmexxi offensiva fuq Tripli u Sarraj, issa, irrefera għall-kmandant militari bħala ‘kriminali tal-gwerra’.
Sarraj, waqt diskors lill-Kunsill tad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, ikkritika n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-komunità internazzjonali biex twaqqaf il-vjolenza fil-Libja…Vjolenza li swiet il-ħajja ta’ ’l fuq minn 1,000 persuna minħabba li ħalliet aktar minn 140,000 refuġjati interni.
Il-Prim Ministru Libjan qal li ‘l-aggressjoni li qed jippersisti biha Haftar qerdet familji sħaħ minbarra li ħalliet lil ħafna tfal orfni’. Hu, intant, insista li ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta mill-komunità internazzjonali minkejja li d-dinja kollha ilha minn April issegwi l-eskalazzjoni fl-ostilitajiet u l-attakki tal-qawwiet ta’ Haftar fuq Tripli.
L-Armata ta’ Haftar, fil-bidu tal-offensiva, irnexxielha tagħmel l-avvanzi rapidi iżda l-qawwiet tagħha issa jinsabu f’sitwazzjoni staġnata fil-limiti tal-belt kapitali Libjana.
Il-Gvern ta’ Sarraj fl-aħħar jiem talab l-għajnuna militari mingħand il-Gvern tat-Turkija, li, min-naħa tiegħu, bagħat il-konsulenti militari u esperti lejn il-Libja biex jgħinu jsostnu lill-amministrazzjoni ta’ Sarraj, li qed tbati l-effetti ta’ daqstant xhur ta’ assedju.
Sadattant, Mohamed Taha Siala, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Sarraj, kellu kritika partikulari għan-nuqqas ta’ azzjoni mill-komunità internazzjonali biex twaqqaf l- istat ta’ assedju impost mit-truppi ta’ Haftar fuq iz-zoni tal-Libja li jipproduċu ż-żejt.
Il-Ministru wissa wkoll dwar il-konsegwenzi umanitarji katastrofiċi li kapaċi jseħħu mill-qtugħ fil-produzzjoni taż-żejt li jibqa’ l-aqwa sors ta’ dħul għal-Libja.
Il-produzzjoni taż-żejt mil-Libja naqset sew mill-bidu tas-sena u ladarba t-terminals sfaw mira tal-kampanja militari ta’ Haftar. Aktar kmieni dan ix-xahar il-Korporazzjoni Nazzjonali (Libjana) taż-Żejt qalet li l-produzzjoni ta’ żejt mhux irraffinat niżlet għal ftit aktar minn 163,600 barmil kuljum mill-1.2 miljun barmil ta’ qabel l-assedju.
Fl-aħħar sigħat, ir-rappreżentanti tan-naħat Libjani avversarji sospendew il-parteċipazzjoni f’taħditiet għall-paċi sponsorjati min-NU u li kienu intiżi biex iwasslu fi tmiem il-konflitt tal-Libja. Dan minkejja li l-kelliema għan-NU kienu qalu li ‘in-negozjati kellhom isiru irrispettivament mill-ostilitajiet li għaddejjin bħalissa fil-Libja’.
//= $special ?>