Internazzjonali Saħħa

AĠĠORNATA: Konfermat l-ewwel każ pożittiv fi Sqallija

Ritratt; Brussels Times

231 huma l-każi konfermati ta’ Taljani li gew infettati bil-Coronavirus; il-vittmi sa issa huma 7.

Dawn huma n-numru uffiċjali li ġew konfermati mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-Italja, bir-regjun l-aktar milqut mill-Coronavirus ikun dak tal-Lombardia.

Dalgħodu kien konfermat l-ewwel każ ta’ Coronavirus fi Sqallija. Fil-fatt, il-media Taljana qed tirrapporta li mara minn Bergamo li kienet qed toqgħod f’lukanda f’Palermo ittestjat pożittiva għall-Coronavirus.

F’Katanja għaddejin ukoll testijiet fuq tfajla li waslet lura minn Venezia u li ħasset sintomi ta’ influwenza, filwaqt li anke fil-belt ta’ Firenze kien konfermat l-ewwel każ.

It-Taljani jinsabu imhassba tassew minhabba l-effetti tal-Covid-19. Skejjel, knejjes u postijiet pubbliċi baqgħu magħluqin. Affetwati wkoll il-vjaġġi bil-ferrovija. Bliet kbar bħal Milan u Venezja kważi deżert. Ir-Renju Unit daħħal miżuri aktar stretti fuq il-persuni li qed jaslu mill-Italja, filwaqt li numru ta’ kumpaniji tal-ajru waqqfu il-vjaġġi lejn il-penisola Taljana.

Quddiem dan il-kaos kollu, inħolqot problema ġdida – il-botta u risposta li għaddejja bejn ir-reġjuni Taljani u l-Gvern ċentrali, biż-żewġ naħat iwaħħlu f’xulxin fuq min kellu jerfa’ r-responsabbiltà għas-sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha. Il-Prim Ministru Giuseppe Conte qed jinsisti li l-pajjiż mhux għaddej minn katastrofi.

Il-każijiet ta’ Coronavirus fuq livell globali issa laħħqu t-80,000. Għalkemm irid jingħad illi madwar id-dinja huma 27,800 dawk li fiequ mill-virus.

L-effett fuq is-swieq internazzjonali

Intant, il-Covid-19 qed ikollu effett negattiv anke s-swieq fl-Asja. Fil-fatt, dalgħodu l-ishma fil-Ġappun ħadu daqqa ‘l isfel. L-inċidi Nikkei fetaħ bi tnaqqis ta’ 4.5 fil-mija, filwaqt li diversi kumpaniji ibbażati fil-Ġappun ukoll irreġistraw bidu negattiv. Anke l-ishma f’Wall Street u f’Londra kellhom tnaqqis.

Il-prezz internazzjonali tad-deheb ukoll ħa daqqa ‘l isfel.