Sport Sport Ieħor

Matthew Abela jirbaħ il-ħames titlu konsekuttiv fil-kampjonat nazzjonali tal-badminton

Fil-Kumpless tal-Isport tal-Kottonera saret id-49 edizzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali tal-Badminton. Fil-finali tal-individwali tal-irġiel, Matthew Abela rebaħ il-ħames titlu konsekuttiv tiegħu wara li għeleb lil Samuel Cassar 15-21, 21-17, 21-15. Din kienet l-ewwel finali għal Cassar. Abela u Cassar bħalissa qegħdin jitħarrġu fiċ-Ċentru ta’ eċċellenza fid-Danimarka.

Fil-finali tas-singles tan-nisa, konferma minn Fiorella Sadowski li għelbet liż-żagħżugħa ta’ 14-il sena Francesca Clark. Sadowski rebħet f’żewg sets 21-13, 21-10. Fil-Mixed Doubles il-koppja Matthew Abela u Sarah Fava għelbu lil Ann Marie Bezzina u Mark Abela f’żewg sets 21-9 u 21-12.

Fid-doubles tal-irgiel, għat-tieni sena konsekuttiva suċċess għall-koppja Samuel Cassar u Mark Abela li għelbu lil Stefan Salomone u Samuel Cali 21-12, 16-21, 21-13. Fid-doubles tan-nisa kienu Francesca Clark u Sarah Fava li ħargu rebbieħa fuq Christabel Cachia u Elenia Haber bl-iskor ta’ 21-12, 21-14.