Lionel Messi finalment se jilgħab fl-istadium fejn l-istilla Arġentina Diego Armando Maradona kiseb fost l-aqwa memorji fil-karriera. Barcelona jilagħbu llum kontra Napoli fi Stadio San Paolo u għalkemm it-talent ta’ Messi hu indiskuss, għan-Naplitani m’hemmx tqabbil bejn Messi u Maradona.
“Fil-mument hu l-aktar plejer b’saħħtu fid-dinja. Imma għalina t-tqabbil ma jeżistix għalina għaliex għalina n-Naplitani, Maradona hu sagru. Ma nneħħi xejn minn Messi li jibqa’ plejer kbir.” qal il-captain ta’ Napoli Lorenzo Insigne.Maradona li fil-karriera tiegħu lagħab ukoll ma’ Barcelona, mexxa lil Napoli għall-uniċi żewġ kampjonati fl-1987 u l-1990. Hu għenhom ukoll jirbħu t-Tazza UEFA fl-1989.
Messi u Barcelona qatt ma lagħbu kontra Napoli u riċentament il-plejer ta’ 32 sena qal li jinsab eċċitat li finalment jilgħab fi Stadio San Paolo. “Ili li ridt immur f’dak l-istadium għal żmien twil imma qatt ma kellna ċ-ċans. Finalment il-mument wasal u ninsab eċċitat ħafna, anki jekk hu differenti llum,” qal Messi.
Iż-żewġ timijiet bidlu l-kowċis wara l-fażi tal-gruppi. Gennaro Gattuso ħa post Carlo Ancelotti ma’ Napoli f’Diċembru u Quique Setien ħa t-tmexxija mingħand Ernesto Valverde f’Jannar. It-tnejn se jkunu qed jagħmlu d-debutt fiċ-Champions League bħala kowċ. “Dak li jagħmel Messi hu xi ħaġa li nara biss fuq il-PlayStation meta nilgħab mat-tifel tiegħi. Hu rebbieħ li għandu statistika li mhux se tkun ripetuta u hu eżempju għat-tfal dwar kif żviluppa l-karriera,” qal Gattuso.
//= $special ?>