Lokali

“Mhemmx lok għal allarm” – Is-Sovrintendent dwar is-Saħħa Pubblika

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Sovrintendent dwar is-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li l-awtoritajiet qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġi evitat il-Covid19 – jew Coronavirus – f’pajjiżna.

Wara li l-media soċjali t-Tlieta kienu miżgħuda ritratti ta’ xkafef vojta fis-supermakets fost oħrajn, Charmaine Gauci qalet li f’pajjiżna s’issa m’hawnx każi tal-virus u mhemmx lok għall-allarm.

Hi spjegat li fejn hemm id-dubju, il-pubbliku għandu jfittex informazzjoni mid-Dipartiment jew minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom.

Is-Sovrintendent dwar is-Saħħa Pubblika appellat biex min ikun ġie minn pajjiżi fejn setgħu kienu f’kuntatt ma’ persuni bil-virus, dawn għandhom jibqgħu fi kwarantina fid-dar tagħhom u f’każ li jiżviluppaw sintomi tal-virus – jiġifieri sogħla niexfa, deni u problemi fin-nifs – għandhom ikellmu lit-tabib tagħhom. Waqt il-konferenza, tfakkret l-importanza li wieħed jgħatti ħalqu b’tissue meta jisgħol jew jagħtas, li ma joħroġx jekk ikun ma jiflaħx u li jaħsel idejh sew bl-ilma u s-sapun spiss.