Futbol Sport

Nittama li dan ikun l-aħħar staġun tiegħi f’Malta – Kurt Shaw, difensur ta’ Sliema Wanderers

Żagħżugħ li fl-aħħar staġuni sar plejer regolari fit-tim ta’ Sliema Wanderers. Plejer li minkejja li għad għandu 20 sena, hu matur fil-ħsieb u fil-logħob tiegħu tant li diġà lagħab logħba mat-tim nazzjonali. Kurt Shaw beda jilgħab il-futbol ma’ Melita u fl-età ta’ 13-il sena ngħaqad ma’ Sliema Wanderers, klabb li tah iċ-ċans li jagħmel id-debutt fil-Kampjonat Premier u għadu miegħu sal-lum.

Hu lagħab l-ewwel logħba mill-bidu fil-Kampjonat Premier kontra Birkirkara fl-10 ta’ Frar tal-2018. Minkejja li kienu tilfu 2-1, Shaw jiddeskrivi l-prestazzjoni personali tiegħu bħala tajba. Dakinhar il-kowċ kien John Buttigieg, bil-plejer żagħżugħ jitkellem kif il-kowċ kien għamillu kuraġġ u qallu biex jilgħab bla biża’.

Bl-aktar mod onest, Shaw jgħid li fil-bidu kien ftit fortunat biex daħal fit-tim minħabba li kien hemm diversi plejers fil-pożizzjoni tiegħu li kienu neqsin. “Fil-futbol qatt ma tista’ tieqaf taħdem anki f’kampjonat Malti. Meta jiġu plejers ġodda jippruvaw jieħdu postok, trid terġa’ tgħolli l-livell u tagħmel l-aħjar li tista’.”

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-format tal-kampjonat u l-ispazju li jingħataw iż-żgħażagħ

Dan hu t-tielet staġun li l-Kampjonat Premier qed jintlagħab b’14-il tim u b’seba’ barranin. Shaw dejjem lagħab f’kampjonat b’dan il-format iżda xi ħaġa li żgur ma jaqbilx magħha hu l-ammont ta’ logħob li jilagħbu.

“Jien ħaġa li ddejjaqni ħafna fil-kampjonat Malti hi li nilagħbu 26 logħba biss. Jekk ikollok injury hawn, injury hemm, tispiċċa tilgħab biss 20 logħba. Dik naħseb problema kbira li jridu jsolvuha issa jew nilagħbu tliet rawnds mhux f’idejja biex niddeċiedi. Aktar ma jkun hemm logħob, aktar ċans għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jilagħbu.”

Ħafna dilettanti tal-futbol Malti jgħidu li l-plejers żgħażagħ ma għandhomx spazju fil-kampjonat Malti. Staqstejt lil Shaw kif jaħsibha fuq dan is-suġġett u qalli “naħseb li skont kif taraha inti, jekk taraha bħala skuża tkun problema żgur. Ħa nitkellem fuq il-klabb tiegħi għax dak naf, nagħtu ħafna ċans liż-żgħażagħ eżempju Barone u Satariano li jibdew u jidħlu.”

“Skont iż-żagħżugħ, jekk hu lest biex jaħdem, jaħdem u jżomm postu, mhix problema tal-età. Naħseb klabbs oħra jekk jaraw il-problema tal-età qed jagħmlu żball huma. Jekk iż-żgħar jaħdmu, iridu juru li ħaqqhom jilagħbu hemm, ġimgħa wara ġimgħa qed jikkompetu ma’ seba’ barranin jiġifieri jekk ħaqqek ħa tilgħab.”

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Il-futur ta’ Kurt Shaw

Żewġ plejers li fl-aħħar snin kienu bandiera tal-klabb ta’ Sliema huma Alex Muscat li rtira l-istaġun li għadda u l-captain Mark Scerri. Għalkemm jixtieq jimxi fuq il-passi tagħhom, Shaw jixtieq jieħu passi differenti.

“Nixtieq immur barra, nixtiequ nieħu l-karriera barra minn Malta, xejn kontra Sliema, ħadt ħafna pjaċir, nieħu ħafna pjaċir, għadni nilgħab hawn u sakemm nibqa’ ma’ Sliema nibqa’ nagħti l-100% imma naħseb biex nagħmlu suċċess il-futbol Malti, plejers bħali żgħażagħ irridu nagħmlu l-qabża u mmorru barra mhux nibqgħu hawn.”

Għalkemm sa issa qatt ma kien avviċinat personalment, Kurt Shaw jaf li bħalissa hemm kuntatt bil-possibbiltà li jkompli l-karriera barra l-pajjiż. “Qed nippruvaw naħdmu fuq xi ħaġa biex is-sajf li ġej, nittama li dan ikun l-aħħar staġun tiegħi f’Malta. Issa naraw il-kuntatt hemm qiegħed, qed naħdmu kollha. Il-klabb irid li jien immur barra, jien irrid immur barra issa nittama li ssir.”

(Ritratt: Joseph Galea)

Id-debutt mat-tim nazzjonali

Kurt Shaw għamel id-debutt mat-tim nazzjonali tal-kbar fit-12 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet. Il-plejer ta’ Sliema lagħab il-logħba kollha kontra l-Iżvezja fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali. Dakinhar, il-kowċ Ray ‘Żażu’ Farrugia għażel li jilagħbu fid-difiża u kellu prestazzjoni pożittiva.

“Kien mument sabiħ għalija u għall-familja tiegħi. Kont ilni noħlomha li nilgħab mal-kbar tan-nazzjonal ta’ Malta minn mindu kont żgħir. Naħseb li dak hu l-ewwel għan ta’ kulħadd. Kienet logħba għat-tim diffiċli, jgħidu li personalment kont tajjeb, jien inħossni li dakinhar forsi tajt prestazzjoni tajba. Issa naraw x’jiġri fil-futur.”

Il-pożizzjoni ta’ Shaw, l-istaġun ta’ Sliema u l-akbar ħolma tiegħu

Fl-aħħar snin, il-pożizzjoni ta’ Shaw inbidlet minn midfielder għal difensur. “Jien nieħu gost nilgħab fid-difiża. Fi żmieni meta kont nilgħab fin-nofs kont nippreferiha għax forsi kont inkun aktar involut fl-attakki imma issa kif qed nikber u nimmatura naħseb li l-logħba ta’ wara tixraqli aktar, anki minħabba t-tul u l-fiżika tiegħi u issa qed nidra aktar il-pożizzjoni u nħossni komdu aktar.” Sliema f’dan l-istaġun qed ikollhom staġun diffiċli u ilhom il-kampjonat sħiħ fin-naħa ta’ isfel. L-unika ħaġa li Shaw jara pożittiv minn din is-sitwazzjoni hi li qed ikollu aktar responsabbiltà iżda jippreferi li Sliema jkunu fin-naħa ta’ fuq.

“Mhux post sabiħ għal Sliema u ma ħaqqniex inkunu hemm. Forsi xi deċiżjonijiet qed imorru kontrina, l-aħħar gowl dejjem l-aħħar pass, naqilgħu gowl banali. Nittama li nerġgħu nirrankaw u nitilgħu fejn ħaqqna.” Shaw hu partitarju ta’ Liverpool u mingħajr tlaqliq jgħid li l-akbar ħolma tiegħu tkun li jilgħab f’Anfield. “Inkunu aktar realistiċi l-ħolma tiegħi hi li jkolli karriera sabiħa barra. Eżempju Andrè Schembri għamel għaxar snin, nixtieq nagħmel daqsu, xi ħaġa hekk.”

(Ritratt: Martin Agius)

Il-karriera ta’ Kurt Shaw sa issa

Kurt Shaw għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier ma’ Sliema Wanderers fit-22 ta’ Jannar tal-2017 fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Floriana. Dakinhar hu kien daħal bħala sostitut fl-aħħar minuti tal-logħba flok Denni Rocha dos Santos. Fl-istaġun 2016/17 hu kien lagħab ukoll fl-FA Trophy kontra Qrendi. Fl-istaġun ta’ wara, Shaw beda dieħel fit-tim Slimiż u kien titolari fl-aħħar tmien logħbiet ta’ dak il-kampjonat. Sliema kienu spiċċaw fis-seba’ post fil-klassifika, b’Shaw jirnexxilu wkoll jiskorja l-ewwel gowl fil-Kampjonat Premier fit-telfa ta’ 2-1 kontra Gżira fl-14 ta’ April ta’ sentejn ilu.

Fl-istaġun li għadda, Shaw kiseb post regolari mill-bidu tal-kampjonat anki jekk f’nofs l-istaġun tneħħa John Buttigieg minn kowċ tat-tim u postu ħadu Stefano Maccoppi. Hu anki rnexxielu jsib ix-xibka tliet darbiet kontra Valletta, Mosta u Balzan. F’dan l-istaġun taħt Alfonso Greco, Shaw baqa’ regolari u b’eċċezzjoni fil-konfront kontra Birkirkara, hu lagħab il-minuti kollha fil-kampjonat u skorja kontra Ħamrun Spartans.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Replay Preview fuq Net Television