Għawdex Lokali

Operaturi tat-trasport mhux liċenzjati minn Malta jitilgħu Għawdex fil-jiem tal-Karnival

Bhal kull sena, eluf ta’ Maltin jitilghu Ghawdex matul il-weekend tal-Karnival. Il-maġġoranza kbira tagħhom biex igawdu ċ-ċelebrazzjonijiet bħall-Karnival spontanju tan-Nadur u min jaħtaf l-okkażjoni tal-vakanzi tal-iskola biex iqatta’ long-weekend fil-gżira Għawdxija.

L-Operaturi u n-negozji Għawdxin ikunu qed jistennew bil-ħerqa dawn il-ġranet li jfissru żieda fin-negozju u l-ekonomija interna tal-gżira. Iżda skont rapporti jidher li minn Malta mhux biss ġew il-Maltin, iżda wkoll operaturi tat-trasport li telgħu Għawdex…bil-cabs taghhom… biex jikkompetu mas-servizz tat-taxis Ghawdxin.

Diversi operaturi tat-trasport ibbazati f’Ghawdex għamlu kuntatt ma’ Net News fejn qalu li telgħu diversi vetturi ta’ servizzi ta’ cabs biex joffru servizz ta’ trasport ghall-karnival. Dan bi ksur tar-regolamenti, għaliex il-liċenzja ta’ dawn l-operaturi hi limitata għal Malta biss.

Huma qalu li raw għexieren ta’ vetturi ta’ dawn l-operauri f’diversi lokalitajiet f’Għawdex.

Dan kien konfermat ukoll mill-Gozo Tourism Association illi qalet li din mhux l-ewwel darba li operaturi ibbażati f’Malta jaqsmu lejn Għawdex fil-ġranet fejn ikun hemm influss ta’ Maltin lejn il-gżira tat-Tliet Għoljiet.

Il-GTA appellat lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li kulħadd josserva r-regolamenti, ikun hemm level playing field u li l-operaturi Għawdxin li qed jaħdmu skont il-liġi ikunu salvagwardjati.