Ambjent Lokali

Residenti jkollhom jissaportu intejjen minħabba t-telqa fl-operat tal-Inċineratur

Il-Partit Nazzjonalista jinnota li qed jerġgħu jfeġġu rapporti mingħand residenti fil-Marsa, Raħal Ġdid u f’ċerti waqtiet f’Ħal Tarxien li qed ikollhom jissaportu intejjen dovuti għall-Inċineratur tal-Marsa. Dan wara li l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia, bħall-predeċessur tiegħu, m’għamel xejn quddiem id-diżastru fl-operat tal-Inċineratur li qed initten dawn il-lokalitajiet.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi fakkar li fl-24 ta’ Settembru li għadda kien diġà tkellem pubblikament dwar it-tbatija li dawn ir-residenti u ħwienet qed ibatu kważi kuljum tort l-inkompetenza fil-Wasteserv, li biex impjegat lil tal-qalba tal-Partit Laburista fl-Inċineratur tal-Marsa ġiet taqa’ u tqum mit-tbatija li qed ibatu l-familji intortament.

Għalhekk, illum ukoll, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jistieden pubblikament lill-Ministru Aaron Farrugia biex immedjatament iħalli lill-ġurnalisti u lill-mezzi tax-xandir jidħlu fl-Impjant tal-Inċineratur tal-Marsa ħalli jaraw b’għajnejhom l-effett u r-riżultat fil-qasam ambjentali tal-aktar Gvern korrott.

Il-Partit Nazzjonalista issa ilu juri lill-Gvern Laburista bil-kriżi fil-ħarsien ambjentali u l-inkompetenza fil-Wasteserv u fil-jiem li għaddew, NET News xandar filmati tal-kriżi li teżisti fil-Magħtab. Il-fatt li l-Ministru Aaron Farrugia ddeċieda li jkeċċi liċ-Chairman u lill-Bord kollu tal-Wasteserv jagħti r-raġun lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar il-falliment tal-Gvern fil-qasam tal-Ambjent.