Lokali Qorti

Żewġ Naplitani mixlija bi kriminalità organiżżata

Żewġ Taljani mill-Belt ta’ Napli baqgħu miżuma taħt arrest wara li ġew akkużati quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri bi kriminalità organiżżata meta dawn allegatament ġew Malta biex jikkommettu serqa. Fil-fatt huma kienu se jitilqu minn Malta dak inhar stess tas-serq

Daniele Landolfi ta’ 30 sena u Francesco Tanzi ta’ 37 sena ġew mixlija li nhar il-Ħadd li għadda f’Tas-Sliema serqu arloġġ tal-idejn li jiswa eluf ta’ ewro tal-marka Rolex minn fuq raġel minn Tas-Sliema, u dan għall-ħabta ta’ nofs inhar.

Il-każ allegatament seħħ meta huma nnutaw koppja qed tiekol f’ristorant ġewwa Triq Sir Adrian Dingli bir-raġel liebes l-arloġġ tad-ditta. Wara li l-koppja ħarġet mir-ristorant it-Taljani segwewh b’mutur b’Landolfi jiġbidlu l-arloġġ minn idejh. L-akkużati kienu se jitilqu minn Malta dak inhar stess tas-serqa.

Huma ġew akkużati li huma parti minn ċirku ta’ kriminalità organiżżata u li ġew Malta għal skop ta’ serq. Landolfi li qal li jgħin lil mara tiegħu li għandha ħanut l-Italja, ġie mixli bħala l-awtur tas-serqa filwaqt li Tanzi, li qal li jaħdem bħala ‘welder’ ġie mixli b’kompiċità fis-serqa. Huma ġew mixlijin wkoll li saru reċedivi u li saqu mutur mingħajr polza ta’ assikurazzjoni.

L-Avukat Roberto Montalto li deher għal Tanzi u l-Avukat Noel Bartolo f’dan l-istadju nfurmaw lill-Qorti li ma kienux se jagħmlu talba għal libertà proviżorja. Għaldaqstant huma ntbagħtu mill-ewwel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Jonathan Ransley.