Futbol Sport

Zidane jindika li Hazard jista’ jitlef il-kumplament tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Real Madrid Zinedine Zidane għandu dubju jekk l-attakkant Eden Hazard hux se jerġa’ jilgħab f’dan l-istaġun. Hazard li għandu 29 sena, ingħaqad ma’ Real Madrid mingħand Chelsea għal €100 miljun fis-sajf li għadda. Hu weġġa’ l-għaksa s-Sibt li għadda fit-telfa li l-Madrileni sofrew kontra Levante. Il-Belġjan kien qed jilgħab biss it-tieni logħba wara li rritorna minn injury simili.

“Ma nafx jekk l-istaġun tiegħu ntemmx, ma nafx imma nittama li le. Ma nafx jekk għandux bżonn operazzjoni, mhix iż-żona tiegħi. Nista’ nara li mhux kuntent. Hu importanti li jibqa’ pożittiv imma ovvjament hu diffiċli,” qal Zidane.

Ġurnata qabel il-kampjonat, Hazard weġġa’ kuxxtejh waqt it-taħriġ, ġurnata qabel il-bidu tal-kampjonat Spanjol u ma lagħbx sa Settembru. Hu weġġa’ l-ewwel darba l-għaksa waqt id-draw ta’ 2-2 kontra PSG fiċ-Champions League f’Novembru, b’konsegwenza li dam xahrejn barra mill-azzjoni.

Real Madrid li jilagħbu f’darhom fl-ewwel leg tal-aħħar 16 kontra Manchester City, jinsabu t-tieni fil-kampjonat żewġ punti wara Barcelona. Hazard ġej minn seba’ snin esperjenza ma’ Chelsea.